Stejjer Umani
Karba ta’ omm itturufnata minn Malta u mifruda minn uliedha ċkejkna

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li għadda kellha titla’ kontra qalbha ma’ uliedha l-Awstralja wara deċiżjoni tal-Qorti Maltija.

Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Familja f’Malta wasslet biex dawn iż-żewġt itfal Maltin jiġu sfurzati jitilgħu jgħixu l-Awstralja viċin missierhom, li għandu dritt ta’ aċċess. L-omm qalet lil TVM li uliedha żgħar ta’ seba’ snin u ta’ erba’ snin spiċċaw itturufnati minn pajjiżhom minkejja li huma Maltin, u għexu l-Awstralja inqas minn sena u nofs qabel is-separazzjoni tal-koppja.

“It-tfal ċittadini Maltin għax twieldu Malta, kienu anki jmorru l-iskola Malta, u hawnhekk tlajna b’tourist visa, kemm jien u kemm it-tfal,” tgħid l-omm.

Wara li telgħet l-Awstralja biex takkumpanja lil uliedha, l-omm spiċċat mifruda minnhom. Fid-9 ta’ Lulju li għadda, il-missier ġabarhom biex joħroġhom, iżda ma reġax tfaċċa.

“Kellu jmur bihom il-Mc Donalds u jġibhom lura, u ma ġiex. Bdejt inċempillu, u qalli li mhux se jġibhom lura, li hu jrid iqatta’ l-ħin magħhom, kien jaf li anki l-Pulizija ma jistgħu jagħmlulu xejn, sakemm ikun hawn il-karti mill-Qorti tal-Awstralja.”

L-omm tisħaq li minn dakinhar lanqas ħalliha tara lil uliedha jew imqar tkellimhom bit-telefon, u tinsab imħassba b’mod partikolari minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħet bintha. “Aħna għandna tifla tbati bl-asthma, u l-mediċina sintendi qiegħda għandi, tieħu l-puffs kuljum u mhux itihomlha – hu qed jgħid li m’għandhiex bżonnhom, imma hi kienet tkun anki spiss l-isptar biha.”

L-omm ilmentat li sabet ħafna bibien magħluqa. “Mort ħafna postijiet, mort legal aid, women immigration support, ċempilt anki l-ambaxxata ta’ Malta li hawn fl-Awstralja, pulizija, child safety… għamilt ħafna telefonati f’ħafna postijiet differenti.”

Minkejja li ġriet minn għassa għal oħra, il-pulizija qalulha li ma jistgħu jagħmlu xejn, għax is-sentenzi tal-Qorti f’Malta, li juru li għandha l-kustodja ta’ uliedha, mhumiex reġistrati fl-Awstralja. Waqt li għadha qed tistenna li tingħata l-għajnuna legali, ma tistax tqabbad avukat privat, għax dawn il-flejjes m’għandhiex. “Għolja ħafna avukat privat, qed nitkellmu mhux mijiet, imma eluf ta’ dollari.”

Kompliet tgħid li minħabba li qiegħda l-Awstralja b’visa ta’ turista, lanqas tista’ taħdem biex tħallas l-ispejjeż legali. L-uniku tama hija l-flus li qed jiġbrulha ħbieb tagħha biex tiftaħ proċeduri legali fl-Awstralja.

Sadanittant, b’qalbha mtertqa, ikollha tibqa’ tistenna bil-ħniena li tieħu mqar aħbar ta’ uliedha.

Ara wkoll:

Missier iwieġeb lill-eks martu dwar uliedhom fl-Awstralja

Aħbarijiet Oħra
Televiżjoni u Radju

Appuntament mill-ġdid ma’ X Factor Malta li t-tieni edizzjoni tiegħu tibda fuq TVM dalwaqt. Mill-Boot Camp għaċ-Chair Challenge u l-Judges Houses, l-udjenza ta’ TVM  se jerġa’ jkollha spettaklu ta’ talent…

Stejjer Umani

Disk Jockey Ingliż kien Malta għal vaganza mas-sieħba tiegħu, li għal ftit ma ntemmitx fi traġedja. Huwa waqa’ m’għola erba’ sulari mill-gallarija tal-kamra tiegħu fil-lukanda Seabank, fil-Mellieħa. L-inċident seħħ fil-15…

Attività

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-servizz pubbliku, matul il-ġurnata tal-Ħadd id-dipartiment tad-Dwana fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku f’Xatt Lascaris il-Belt. B’hekk il-pubbliku seta’ jara mill-qrib il-ħidma tal-uffiċjali tad-Dwana, li huwa dipartiment fi ħdan il-Ministeru…

Immigrazzjoni

Il-Forti Sant’ Anġlu, li għal medda ta’ snin kien l-għassies tal-kosta ta’ Malta, se jservi ta’ sfond għal-laqgħa tal-Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u tal-Ġermanja, biex flimkien mal-Finlandja, li…

Aktar