Għall-wiri fil-Birgu l-karozza li Mintoff uża fl-għeluq il-ftehim tal-Ħelsien

Din il-karozza Austin Princess kienet tintuża minn żewġ Prim Ministri u li kieku setgħet titkellem min jaf kemm għandha x’tirrakonta.

Il-karozza li bħalissa tinsab għall-wiri ftit passi ‘l bogħod mill-monument tal-Ħelsien fil-Birgu kienet intużat minn George Borg Olivier waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza u mill-Perit Duminku Mintoff fis-snin sebgħin.

Fl-aħħar xhur sar xogħol estensiv ta’ restawr fuq din il-karozza, li kienet trasferita għand Heritage Malta mill-garage tal-korp tal-pulizija.

Evventwalment se jsir xogħol fuq il-parti mekkanika tal-karozza bil-ħsieb li l-karozza tkun tista terġa tinstaq.

Il-karozza li kienet manifatturata fis-snin sittin kienet waħda mill-aktar karozzi lussużi meta nxtrat bħala karozza uffiċċjali tal-Prim Ministru George Borg Olivier.

Hu mifhum li f’Malta kien hawn żewġ karozzi ta’ din it-tip.

Nhar it-Tlieta, il-karozza se terġa lura f’Bighi biex ikompli x-xogħol fuqha.

Din kienet l-ewwel karozza li rrestawrat Heritage Malta, għalkemm hemm pjani biex ikunu restawrati vetturi oħrajn fosthom dawk militari li jiġu esebiti fil-mużew tal-gwerra.