BIL-FILMAT: Supercar tibqa’ dieħla fuq in-nies waqt Paqpaqli għall-Istrina – 18 midruba

Xeni koroh fuq it-taxiway qrib il-hangar tal-Lufthansa Technik wara li Supercar Porsche 918 convertible tilfet il-kontrol u nstabtet b’qawwa fin-nies li kienu qed isegwu edizzjoni oħra ta’ Paqpaqli. Il-ġurnata li ġibdet mal-ewwel l-eluf, inbidlet fi ħmar il-lejl hekk kif fis-2 p.m. ta’ waranofsinhar il-karozza baqgħet dieħla fin-nies.

Owner of Super Cars Paul Bailey - PictureThis Mellieħa
Owner of Super Cars Paul Bailey – PictureThis Mellieħa

Filmat esklussiv ta’ tvm.com.mt juri l-mument eżatt li fih seħħ l-inċident fejn għadd ta’ persuni jidhru jitkaxkru mad-daqqa bil-karozza.

L-ewwel rapporti jindikaw li hemm bejn 20 midruba, uħud bi ġrieħi serji u oħrajn ħfief. Fuq il-post waslu numru ta’ ambulanzi, inkluż ambulanzi tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar, li bdew jibagħtu lil dawk l-iktar feruti lejn l-isptar Mater Dei, filwaqt li dawk bi ġrieħi ħfief bdew jingħataw il-kura u f’ċentri oħra tas-saħħa.

Ħelikopter tal-Forzi Armati ġarr persuna midruba lejn l-Isptar San Luqa mnejn ġie trasfertit b’ambulanza lejn Mater Dei. Anki membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija kienu fuq il-post biex jassistu.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ipposponiet vjaġġ li kellha tibda illum stess waranofsinhar f’Londra biex iżżur nies morda. Huwa mifhum li l-karozza kienet misjuqa minn sewwieq professjonali. S’issa m’hemmx konferma ta’ nies mejta.

Wara l-inċident waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina, l-isptar Mater Dei skatta major incident alert. F’konferenza tal-aħbarijiet ingħad li kien 26-il persuna li sfaw midruba waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina. Minn dawn 19-il persuna ngħataw jew qegħdin jingħataw kura fl-Isptar Mater Dei. Ħamsa minn dawn id-19 jinsabu  fosthom tifla u ommha jinsabu fil-periklu tal-mewt, filwaqt li għaxar persuni oħra weġġgħu gravi, erba’ persuni oħra soffrew ġrieħi ħfief tant li ntbagħtu lura d-dar, wara li ngħataw il-kura meħtieġa.  

Fost il-persuni midruba hemm ukoll is-sewwieq tas-super car. Is-sewwieq sofra ġrieħi gravi, iżda mhux fil-periklu tal-mewt.

Seba’ persuni oħra ngħataw il-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Intant fuq il-post tal-inċident marru tmien ambulanzi minn Mater Dei, filwaqt li tliet ambulanzi tar-Red Cross kienu diġà fil-post bħala proċedura normali għal li jista jinqala’. L-ambulanzi bejniethom għamlu bkollox 17-il vjaġġ.

Intant l-isptar Mater Dei qiegħed joffri wkoll għajnuna psikoloġika lill-vittmi u l-qraba tagħhom permezz ta’ tim magħmul minn tliet psikjatri u psikoanalista.

Il-management ta’ Mater Dei qiegħed jikkoordina l-helpline relatat mal-inċident li huwa 25454032, 25453949 u 25453947. Min għandu xi mistoqsijiet fuq dan l-inċident jista’ jċempel dawn in-numri.