Lokali
AĠĠORNAT 10: L-esperti Olandiżi jaslu Malta biex jinvestigaw l-isplużjoni fil-Bidnija

Waslu f’Malta uħud mill-esperti forensiċi li se jgħinu lill-awtoritajiet u l-esperti Maltin fl-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia lbieraħ waranofsinhar b’karozza bomba fil-Bidnija.

tvm.com.mt infurmat li l-esperti forensiċi Olandiżi diġà jinsabu f’Malta, filwaqt li dawk mill-FBI se jaslu fis-sigħat li ġejjin. Ftit qabel it-3.00 ta’ waranofsinhar wasal ukoll il-Maġistrat inkwirenti Anthony Vella.

Ara l-aħħar żviluppi mill-Bidnija f’dawn il-kollegamenti li saru dalgħodu:

Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni ta’ karozza fit-Triq tal-Bidnija, fil-limiti tal-Mosta.  L-isplużjoni seħħet għall-ħabta tat-3.00pm meta xi persuni li joqogħdu fl-inħawi semgħu ħoss kbir u raw karozza tal-kiri tieħu n-nar.

Minn tagħrif miksub minn tvm.com.mt jirriżulta li ftit wara li s-Sinjura Caruana Galizia rikbet fil-karozza biex tmur tħallas xi pagamenti lill-kumpanija minn fejn kienet qed tikri l-karozza u ftit wara li bdiet issuq seħħet l-isplużjoni. Jidher li l-isplużjoni tant kienet b’saħħitha li l-karozza spiċċat f’mitt biċċa li nfirxu fl-għelieqi li hemm qrib ir-residenza tagħha.

tvm.com.mt huwa infurmat li fost l-ewwel persuni li ndunaw bl-isplużjoni kien it-tifel tagħha li sema’ l-ħoss u ra l-karozza tinħaraq fl-għelieqi li hemm fil-qrib.

Għalkemm il-Pulizija kkonfermaw ma’ tvm.com.mt li ma rċevietx rapporti riċenti mingħand is-Sinjura Caruana Galizia dwar thedded fuq ħajjitha, fil-bidu ta’ Settembru l-blogger kitbet li kienet qed tirċievi theddid kontinwu fuq ħajjitha.

Hija kellha 53 sena u l-aħħar blog li tellgħet kienet għall-ħabta tas-2.30pm, ftit minuti biss qabel seħħet l-isplużjoni.  Minn tagħrif miksub minn fuq il-post jirriżulta li l-Pulizija qed tieħu d-dettalji ta’ dawk li għaddejjin mill-akwati f’operazzjoni li qed twettaq bħalissa b’rabta mal-każ.  It-triq li tagħti lejn l-inħawi tinsab magħluqa għat-traffiku.

Fuq il-post marru qraba tas-Sinjura Caruana Galizia, fosthom żewġha Peter Caruana Galizia, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Dwar il-każ kienet qed issir inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li iżda irrikużat ruħha iktar tard, b’postha jittieħed mill-Maġistrat Anthony Vella.

Il-Maġistrat Scerri Herrera kienet ordnat biex ma jintmess xejn minn fuq ix-xena tad-delitt qabel ma jiġu Malta esperti forensiċi barranin.  Infatti matul il-lejl baqa’ ma ntmess xejn sakemm waslu Malta l-esperti forensiċi barranin li jispeċjalizzaw f’dawn it-tip ta’ każi.

It-Tlieta filgħodu l-Pulizija mit-Taqsima tal-Forensika ttellgħu tinda fuq il-karozza u l-fdalijiet l-oħra li nfirxu fl-inħawi fejn seħħet l-isplużjoni sabiex jippriservaw il-provi li jistgħu jkunu kruċjali fl-investigazzjonijiet. Il-karozza tinsab f’nofs għalqa u għaldaqstant qiegħda esposta għall-elementi tan-natura fosthom in-nida.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-Tnejn wara nofsinhar il-Gvern Malti għamel kuntatt mal-Gvern Amerikan u ntalbet għajnuna tal-FBI (Federal Bureau of Investigation) biex jiġu Malta malajr fis-sigħat li ġejjin jgħinu lill-esperti lokali.  Qal li din il-miżura mhix nuqqas ta’ fiduċja fl-esperti lokali, imma mod ta’ kif jiżdiedu r-riżorsi tal-pajjiż ma’ dawk tal-iktar pajjiż sofistikat fid-dinja.  Żied jgħid li sar kuntatt ma’ pajjiżi oħajn Ewropej għat-tisħiħ tar-riżorsi lokali biex malajr kemm jista’ jkun jissolva dan id-delitt.

Ir-raġel u wlied Daphne Caruana Galizia ressqu rikors il-Qorti biex il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera ma tmexxix l-inkjesta maġisterjali.  tvm.com.mt jinsab infurmat li la l-Gvern u lanqas l-Avukat Ġenerali m’għandhom ebda oġġezzjoni għar-rikuża tal-Maġistrat Scerri Herrera mill-inkjesta li qed tmexxi dwar dan il-każ.

Sadanittant, it-Tlieta filgħodu l-Maġistrat Scerri Herrera kkomunikat li kienet se tirrikuża ruħha mill-inkjesta dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia biex mhux biss issir ġustizzja, imma li din tidher li qed issir.  Il-Maġistrat ġdid li ntgħażel bil-polza huwa Anthony Vella, li ftit wara li nħatar biex imexxi l-inkjesta, appunta patoloġisti u esperti forensiċi Maltin biex jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-esperti forensiċi barranin.

Segwi hawnhekk l-aħħar żviluppi dwar il-każ f’kollegament li sar it-Tnejn filgħaxija mill-Bidnija fl-Aħbarijiet ta’ TVM:

Ara filmati mill-post fejn seħħet l-isplużjoni:

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Andre Bugeja ta’ 19-il sena u Massimo Fasanelli ta’ 18-il sena, it-tnejn minn Tas-Sliema, baqgħu miżmuma arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li fil-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Settembru…

Lokali

Il-Kunsill Malti għall-Arti ppubblika l-applikazzjonijiet u r-regolamenti għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-presepji. Il-kompetizzjoni se tkun imqassma f’sitt sezzjonijiet, li jinkludu presepji mekkanizzati u dawk statiċi ta’ daqsijiet differenti….

Lokali

Tħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-kampanja internazzjonali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, li se ddum għaddejja sittax-il ġurnata, mill-24 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru. Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, Joe Gerada, qal li…

Lokali

Ftit ġimgħat wara l-ftuħ tal-uffiċini ta’ Business First fl-Imrieħel, tnedew korsijiet ta’ taħriġ għall-imprendituri żgħar u kbar maħsuba biex dejjem jaġġornaw ruħhom aktar mal-opportunitajiet li jistgħu jisfruttaw biex ikomplu jiżviluppaw…

Aktar