Lokali
Qtil DCG – intużaw bejn 300 u 400 gramma ta’ splussiv

14:40 Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddeferixxiet is-seduta għall-14 ta’ Ġunju, f’nofsinhar.

14:38: Temm ix-xhieda tiegħu Mario Cmarec, l-ispeċjalista fl-isplussivi fil-European Counter Terrorism Section tal-Europol.

14:20: Qal li mill-fdalijiet li ġew elevati fuq il-post u mill-effett tal-ispluzjoni jista’ jikkonkludi li l-bomba kienet fi kliemu “improvise explosive device’. Huwa qal li l-bomba kienet magħmula u ddisinjata apposta minn xi ħadd għal dan il-każ. L-espert tal-Europol sostna li l-bomba saret minn materjal li wieħed jista’ faċilment isib bħal pjanċi tal-ħadid .

Qal li l-iktar punt interessanti dwar is-sistema tal-attivazzjoni, li jista’ jgħid li mill-karatteristiċi misjuba fuq ix-xena, speċjalment tal-GSM Module, bħal electronic circuit board, u fejn iddaħħal sim card, ikkonkluda l-possibbiltà kbira li l-bomba kienet ‘improvise explosive device’ u ikkontrollata. Ikkonferma li l-bomba splodiet permezz ta’ messaġġ b’SMS. Ikkonkluda li n-natura tal-bomba kienet waħda kriminali u kien attakk intenzjonat permezz ta’ bomba. Qal li minn dak li sab, eskluda b’mod ċar li kienet splużjoni aċċidentali u suwiċidju. Qal li l-intenzjoni ċara kienet li fil-mira kien is-sewwieq u/jew persuni oħra li setgħu kienu fil-karozza.

14:05: Mario Cmarec qal li l-bomba kienet imdawwra bi pjanċa tal-ħadid, li kienet magħmula bl-idejn. Qal li nstabet evidenza li turi li din saret speċifikament biex toqtol lil min kien hemm fil-karozza. Qal li fil-ġisem tal-vittma nstab numru ta’ frak tal-ħadid, iżda l-biċċa l-kbira tal-frak kien fuq barra. Qal li min poġġa l-bomba fil-karozza ħalla apposta l-parti ta’ fuq miftuħa sabiex il-blast jitla’ ‘l fuq.  

14:00: Mario Cmarec qal li ntużaw bejn  300 u 400 gramma ta’ splussiv. Ikkonkluda li din l-isplużjoni kienet intiża li tikkawża 100% il-mewt tal-persuna fil-karozza. Qal li l-effetti prinċipali tal-mewt kienu mill-isplużjoni u mhux mit-tifrik.

13:50: Mario Cmarec qal li t-tip ta’ splussiv li ntuża u skont il-ħsarat li nstabu u elementi oħra, jidher li kien magħmul minn high-explosives u mhux pirotekniku. Ikkonkluda li huwa tip ta’ splussiv militari bħal TNT.Qal li din tista’ tiġġenera blast shock-wave u high-blast over pressure mal-madwar. Bażikament tikkawża ħsarat kbar fil-viċinanzi. Qal li dat-tip ta’ splussiv huwa ħafna aktar effettiv sabiex wieħed jagħmel ħsara kbira fuq xi ħadd. Ikkonkluda li din tikkawża mewt jew ħsarat serji fuq il-persuna li kienet fil-karozza

13.42: Mario Cmarec qal li kellu l-inkarigu li jagħmel ‘Post-Blast Investigation” fuq il-vettura u janalizza wkoll affarijiet oħra li ġew elevati minn fuq ix-xena tad-delitt. Huwa qal li ma kienx mar fuq il-post fil-Bidnija, imma beda l-analiżi tiegħu madwar xahar wara id-delitt. Qal li xogħlu kien li jiddetermina fejn tpoġġiet il-bomba, x’tip ta materjal intuża u x’tip ta’ apparat intuża biex ġiet sploduta l-bomba. Xehed li waqqaf tim ta’ investigaturi li kien magħmul minnu, żewġ pulizija Maltin mil-Laboratorju Forensiku u żewġ uffiċjali tal-Explosive Ordinance Disposal tal-AFM.

Qal li l-karozza kienet għand il-Pulizija f’St Andrews u kienet ippreservata bl-istess mod ta’ meta nġabret mill-Bidnija. Qal li l-karozza kellha l-iktar ħsarat ikkawżati min-nar. Qal li l-ewwel investigazzjonijiet kienu biex jistabilixxu x’tip ta’ bomba ntużat, li rriżulta minn splussiv kemikali. Eskludew li ntuża fjuwil u forsi l-vittma kienet qed iġġorru u inċidentalment seħħet splużjoni.

Qal li kkonkluda li kien ċar li l-isplużjoni saret ġewwa l-vettura. Eżettament l-bomba, fil-ħin li splodiet, kien taħt is-seat tas-sewwieq.

13:35: Beda jixhed Mario Cmarec, li huwa pulizija speċjalista fl-isplussivi fil-European Counter Terrorism Section tal-Europol.

13:25: L-Aġenti tal-FBI, fl-aħħar nett qalu li mill-investigazzonijiet illi għamlu jemmnu li n-numru 99683752 kien imqabbad  mal-bomba u ntuża bħala detonator. Qalu li jemmnu li n-99684366 bagħat l-SMS biex l-bomba tisplodi. Nemmnu wkoll li n-99088820 serva bħala look out fil-Bidnija u min użah ċempel fuq 99088824 sabiex jaffettwa d-detonazzjoni tal-bomba. Ibbażat fuq ir-rekords li ġabru, jemmnu li 99088820, 99088824 u 99088823 ħadmu flimkien biex ikunu jistgħu jisplodu l-bomba. Jemmnu wkoll li 99684366 u 99088824 kienu llokati fl-istess post fis-16 ta’ Ottubru 2017 fuq il-baħar. Qalu li jemmnu wkoll li n-numru 99623741 li huwa ta George Degiorgio kien ukoll illokalizzat flimkien man-numri 99684366 u 99088824.

13:15: Qalu li fl-akkwati tal-kosta ta’ San Pawl il-Baħar sabu n-numru 99623741 li rriżulta mill-investigazzjoniji li għamlu huwa ta’ George Degiorgio. Qalu li dan il-mobile kien konsistenti li jinsab fuq dgħajsa tiela’ u nieżel mal-kosta ta’ bejn San Pawl il-Baħar u Baħar iċ-Ċagħaq u mal-movimenti tan-numru 99684366 li bagħat l-SMS fuq 99683752  u konsisteni ukoll man-numru 99088824, li kien ukoll fuq id-dgħajsa ta’ George Degiorgio.

12:56: L-Aġenti tal-FBI qalu li fuq l-informazzjoni li ġabru, ikkonkludew li dawn in-numri ntużaw biex ġiet attivata l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. L-investigaturi sabu wkoll li saret telefonata bejn 99088820 u 99088824 li damet 107 sekondi, li saret fit-2.57pm. Huwa mifhum li din it-telefonata saret bejn l-aħwa Degiorgio. Issemma wkoll in-numru 99088823 li ntuża l-aħħar fit-3.08pm tas-16 ta’ Ottubru, dakinhar tad-delitt u qatt ma ntuża wara.

12:51: Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-mobile 99684366 kien fuq il-baħar u l-ieħor 99683752 fil-Bidnija.

12:20: Spjegaw li investigaw fejn huma s-cell towers fl-akwati tal-Bidnija. Qalu li talbu għal kull linja tal-mobile li huma mqabbdin mas-cell towers, kemm qabel u kemm wara li splodiet il-bomba. Identifikaw 53 linja ċellulari b’linja tal-Vodafone li ntużaw fis-16 ta’ Ottubru bejn it-2.58pm u t-3.03pm. Qal li sabu li linja waħda biss ma reġgħetx intużat wara dak il-ħin li splodiet il-bomba. In-numru kien 99683752.

Instab li qabel, dan in-numru ntuża biss darbtejn oħra, fl-10 ta’ Jannar 2017 u 21 ta’ Awwissu 2017.

Dakinhar tas-16 ta’ Ottubru 2017 intbagħat messaġġ minn fuq in-numru 99684366 fit-2.58pm fuq 99683752. Skont l-analiżi mis-cell towers, jirriżulta li l-messaġġi ntbagħtu fl-akwati fejn seħħet l-isplużjoni.

Qalu li fis-1.41am tas-16 ta’ Ottubru nxtegħel il-mobile. Wara li nxtegħel baqa’ fl-istess akwati sat-2.58pm, li dak il-ħin eżatt in-numru 99684366 bagħat messaġġ fuq 99683752  li kien jaqra #REL1 = ON”

12:05: Jitilgħu fuq il-pedana tax-xhieda l-Aġenti Speċjali mill-Federal Bureau of Investigations, Richard Fennern u William Schute. Spjegaw li huma speċjalizzati fuq analiżi ta’ data ċellulari u li bl-użu ta’ mobile jistgħu jaslu għall-post minn fejn kull tip ta’ telefonata tkun saret. Spjegaw li ngħataw l-inkarigu mill-Maġistrat Anthony Vella.

Richard Fennern

Qal li ġew infurmati bil-każ fis-16 ta’ Ottubru. Fit-18 ta’ Ottubru waslu Malta biex jibdew l-investigazzjonijiet. Stqarru li mill-ewwel marru fuq ix-xena fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia.

FBI AGENT William Schute

11:55: Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Alfred Degiogio. Il-Maġistrat qalet li din kienet waħda frivola u vojta u għalhekk se tgħaddi biex tisma’ x-xhieda tal-FBI. L-Avukat William Cuschieri qal li huwa qed joġġezzjona li jisma x-xhieda tal-FBI.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia, f’isem il-Prosekuzzjoni qal li l-oġġezzjoni ta’ Dr Cuschieri mhux legalment sostenibbli u dan jasal għal disprezz f’wiċċ il-Qorti għax qed jattakka digriet mogħti mill-Maġistrat Starfrace Zammit.

11:50: Kważi siegħa wara li ssospendiet is-seduta, jitrritornaw fl-awla t-tliet akkużati. Toħroġ il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fejn bħalissa qed tagħti d-deċiżjoni tagħha.

10:50: Il-Maġistrat Stafrace Zammit tissospendi s-seduta biex tiddeċiedi fuq it-talba li saret mill-Avukat William Cuschieri sabiex illum ma jixhdux l-aġenti tal-FBI. Ma tatx ħin għal meta se tagħti d-deċiżjoni tagħha.

10:40: George Degiorgio jidher jipponta lejn l-Avukat Andrew Borg Cardona sabiex dan jersaq minn quddiemu għax ma jistax isegwi dak li qed jiġri fl-awla. Jilmenta mal-uffiċjali tas-Special Response Team li ma jistax jara minħabba li eżatt quddiemu hemm bilwieqfa l-Avukat Andrew Borg Cardona. Wieħed mill-uffiċjali tal-SRT imur fuq l-Avukat Borg Cardona u jitolbu biex jersaq, li min-naħa tiegħu, l-avukat jindika li huwa jinsab bilwieqfa eżatt maġenb il-bank tal-avukati, fuq in-naħa tal-parte civile, u jersaq żewġ passi lejn il-ġenb.

10:25: Dr Comodini Cachia qalet li t-talbiet quddeim il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili – Sede Kostituzzjonali – qegħdin isiru minn imputat wieħed biss u għalhekk talbet lill-Maġistrat Stafrace Zammit biex tieħu inkonsiderazzjoni ta’ din u x’impatt qed tħalli fuq il-kawża, li fiha hemm żewġ imputati oħra.

10:20: Dr Azzopardi u Dr Therese Comodini Cachia, bħala parte civile wieġbu li din is-seduta ilha appuntata għall-iskop biex jixhdu l-esperti barranin għal iktar minn xahrejn. Fakkru fid-digriet mogħti lbieraħ mill-Imħallef Schembri Orland, fejn il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili – Sede Kostituzzjonali – irrimarkat li Alfred Degiorgio kien qed jabbuża u li t-talba ta’ Degiorgio, kienet waħda frivola u bbażata fuq argument imġebbed.

10:15: Id-Deputat Avukat Ġenerali, Philip Galea Farrugia qal li l-iskop tad-difiża hija biss li jtawlu l-kawża għax ilhom jafu bis-seduta tal-lum li se jixhdu tal-FBI, xahrejn ilu. Iżda ppreżentaw r-rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili – Sede Kostituzzjonali, ftit sigħat biss qabel is-seduta tal-lum. Qal li l-Qorti tal-Maġistrati xogħolha huwa li tiġbor il-provi u mhux tiġġudika.

10:00: Qam Dr William Cuschieri, f’isem Alfred Degiorgio u qal li l-klijent tiegħu għamel żewġ talbiet biex tinħareġ mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili – Sede Kostituzzjonali, fejn waħda ġiet miċħuda lbieraħ, dik li ma jixhdux l-aġenti tal-FBI u oħra miċħuda dalgħodu dwar l-informazzjoni mit-telefonati. Qal li fiż-żewġ każijiet, Degiorgio appella mid-digriet li ngħataw mill-Imħallfin Lorraine Schembri Orland u Anna Felice, rispettivament. Dr Cuschieri qal li għandu kull dritt jappella skont il-liġi.

Dr Cuschieri talab lill-Maġstrat Starfrace Zammit biex għalissa ma tismax ix-xhieda tal-FBI sakemm jinqata’ l-appell.

09:55:  Hekk kif bdiet is-seduta, l-Avukat Martin Fenech oġġezzjona li fil-Parlament, l-avukat tal-parti ċivile, Jason Azzopardi għamel ċertu allegazzjonijiet, billi uża l-privileġġ parlamentari u tkellem fuq fatti li jistgħu jtellfu d-drittijiet tal-akkużati. Qal li dak li qal fil-Parlament ma jistax jirribattihom u staqsa għala ma qalhomx barra. Huwa talab rimedju mill-Qorti.

Wieġeb Dr Azzopardi, li beda jaqra minn stqarrija li saret waqt l-interrogazzjoni tal-akkużati. Hawn qam battibekk bejn Dr Azzopardu u Dr Fenech, bit-tnejn jinterrompu lil xulxin. Qabżet il-Maġistrat u waqfet lil Dr Azzopardi u qaltlu li hawn mhux il-Parlament, waqt li lil Dr Fenech qaltlu li hi ma tistax tirribatti xi ħaġa li m’hemmx rimedju fuqu għax m’għandiex poter fuq dak li jintqal fil-Parlament.

Dr Fenech mill-ġdid talab lill-Qorti biex tagħti rimedju talli Jason Azzopardi uża l-privileġġ parlamentari.

Dr Azzopardi wieġeb billi ppreċiża li fl-intervent li Dr Fenech oġġezzjona għalih, Dr Fenech ma qalx li fil-Palament hu enfasizza għal iktar minn tliet darbiet li l-imputati huma preżunti innoċenti. Li d-diskors li sar kien wieħed politiku u mhux legali, u għandu kull dritt li jagħmel dan. Dr Azzopardi qal ukoll kien transcript tal-interrogatorju tal-5 ta’ Diċembru.

09:50: Jiddaħħlu fl-awla t-tliet akkużati skortati minn 6 uffiċjali tas-Special Response Team tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Bilqiegħda mix-xellug għal-lemin fuq il-bank wara l-iżbarra, Alfred Degiorgio,  Vince Muscat u  George Degiorgio. Tidħol ukoll fl-awla l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

09.40: Jidħlu fl-awla l-Prosekuturi, l-avukati difensuri, flimkien mad-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. Kollox jindika li s-seduta quddiem il-Maġistrat Stafrace Zammit se tibda dalwaqt, hekk kif il-Prim Awla tal-Ċivili – Sede Kostituzzjonali ċaħdet it-talba ta’ Alfred Degiorgio.

09.25: Is-seduta kellha tibda tinstema fid-9am. Iżda l-awla tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit infetħet issa. Preżenti s’issa fl-awla l-qraba  ta’ Daphne Caruana Galizia, fosthom ommhom u żewġ ħutha.  Ebda preżenza tal-avukati difensuri, prosekuturi u anqas mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Jidher li d-dewmien biex tibda tinstema x-xhieda tal-lum huwa għall-fatt l-Qorti tal-Maġistrati qed tistenna d-deċiżjoni tal-Prim Awla tal-Ċivili – Sede Kostituzzjonali, presjeduta mill-Imħallef Anna Felice, fir-rigward tar-rikors li ppreżenta l-ġimgħa l-oħra, Alfred Degiorgio, il-‘Fulu’. Fir-rikors tiegħu, Degiorgio talab li kull informazzjoni li nġabret b’mod elettroniku titneħħa mill-każ Degiorgio qed jinsisti li din l-informazzjoni nġabret taħt direttiva tal-UnjonjI Ewropea li ġiet abolixxita.

Dalgħodu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit mistennija tkompli tinstema’ l-kawża fi stadju ta’ kumpilazzjoni kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat, mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fis-seduta tal-lum mistennija jixhdu aġenti tal-FBI u tal-Europol, li ħadmu spalla ma’ spalla mal-pulizija Maltija fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll dwar is-sehem tagħhom li wassal għall-arrest tat-tliet akkużati.

L-esperti barranin se jixhdu wara li lbieraħ, il-Qorti ma laqgħetx it-talba ta’ wieħed mis-suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Alfred Degiorigio, biex iwaqqaf lill-uffiċjali tal-FBI milli llum jixhdu waqt il-kumpilazzjoni li għaddejja. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Lorraine Schembri Orland iddeskriviet it-talba ta’ Degiorgio, magħruf bħala ‘il-Fulu’, bħala frivola u bbażata fuq argument imġebbed.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra assistiti mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.

Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Martin Fenech, William Cuschieri, Martha Mifsud u Josette Sultana. Għall-familja Caruana Galizia bħala parti civile qed jidhru l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.