Lokali
Każ DCG: Tinħoloq xena 3d tax-xena u tal-karozza wara l-isplużjoni

Il-kumpilazzjoni kontra t-tliet akkużati mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kompliet dalgħodu iżda ntemmet aktar kmieni milli mistenni minħabba li wħud mix-xhieda tal-prosekuzzjoni għadhom qed ilestu r-rapporti li tqabbdu jagħmlu.

Vince Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio reġgħu ttieħdu l-Qorti taħt għassa stretta għat-tkomplija tal-kumpilazzjoni tal-provi kontrihom b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru li għadda. Fl-awla ppreseduta mill-Maġistrat Claire Micallef Stafrace damu ftit inqas minn siegħa għaliex uħud mix-xhieda fuq il-lista tal-prosekuzzjoni ma tfaċċawx u l-Qorti aġġornat għal erba’ ġimgħat oħra meta mistennija jixhdu l-esperti barranin fosthom tal-FBI li kienu involuti fl-investigazzjoni.

L-Ispettur Keith Arnaud qalu li wħud mix-xhieda għarfuh li ma setgħux jattendu u oħrajn x’aktarx għadhom qed ilestu r-rapporti li jridu jippreżentaw. Il-Maġistrat argumentat li x-xhieda li ma setgħux jiġu setgħu jinfurmaw minn qabel biex ma jaħlux il-ħin tal-Qorti.

Wieħed mix-xhieda li ressaq ir-rapport kien il-kriminologu l-Professur Saviour Formosa li tqabbad mill-Qorti biex jagħmel studji forensiċi taż-żona fejn seħħet il-karozza-bomba. Spjega li bl-użu tat-teknoloġija diġitali fosthom laser scanning ħoloq xena tri-dimensjonali li tinkludi l-karozza minn ġewwa u minn barra wara l-isplużjoni u punti ta’ interess minn fejn wieħed seta’ josserva l-movimenti tal-vittma. Il-Qorti talbet li l-inkarigu tal-kriminologu jiġi estiż biex fil-ġimgħat li ġejjin jippreżenta kopja tal-mudell li se jinġib mir-Renju Unit.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti nnominat lil Keith Cutajar biex jipprova jirkupra l-filmati mill-SD cards li nġibdu fil-baħar fis-6 ta’ Diċembru li għadda minn membri tal-Forzi Armati minħabba diffikultajiet teknici fl-SD card.

Alex Smith u Joseph Bondin mill-Explosives Ordinance Disposal tal-Armata spjegaw it-tfittxijiet li għamlu għall-isplussivi u materjal suspettuż fil-Bidnija f’Ottubru u f’garage fil-Mosta f’Diċembru. Is-Sur Smith qal li għalkemm splussivi ma nstabux, faċċata tad-dar ta’ Daphne Caruana Galizia nstabu diversi loqom tas-sigaretti li nġabru mill-Pulizija waqt li hu mar personalment l-Olanda b’xi materjal għal iktar analiżi. Hu mistenni jerġa’ jixhed f’seduta oħra.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Żiemel li kien għaddej mit-triq deher li beża’ xħin għaddiet minn ħdejh karozza tal-linja. Huwa kien għaddej minn Triq Bormla, iż-Żejtun. Il-filmat, meħud nhar it-Tlieta li għadda juri ż-żiemel bis-serkin…

Kurżitajiet

Jekk fil-Parlament ma jikbrux fjuri, fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali donnu hemm iktar ċans li jinbtu l-pjanti! Ritratti li nxterdu fuq il-media soċjali juru diversi siġġijiet bi xtieli u pjanti bil-fjuri dehru…

Annimali

Il-kunflitt kulturali reġa’ spikka wara l-istorja ta’ TVM li xxandret ilbieraħ dwar il-proposta tal-Imam Mohammed El Sadi biex il-biċċiera Musulmani jkollhom iċ-ċans li f’Malta joqtlu l-annimali skont it-tradizzjoni Musulmana tal-halal….

Saħħa

Tifel ta’ 4 snin miet ilbieraħ wara li aktarx instab li kellu mikrobu li jikkaġuna l-meninġite. Huwa miet f’Mater Dei wara li jidher li kellu xi sintomi li wasslu biex…

Aktar