AĠĠORNAT. Każ Gaffarena: PM jistaqsi x’passi se jieħu Busuttil kontra BFA li ma qalx il-verità

F’intervent telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li mhux ser iħalli x-xogħol tajjeb tal-Gvern jiġi imminat minn dak li sejjaħ kobbob imħabbla li ħalla ħaddieħor. Qal li l-Gvern ser ikompli inaddaf dawn il-kobbob. Dr Muscat stqarr li l-Gvern ma jistax joqgħod jgħid fuq dak li sar ħażin mill-Gvern ta’ qabel imma fl-istess waqt lanqas se jaċċetta priedki mill-Oppożizzjoni.

Huwa tkellem dwar dak li ġie rrappurtat dwar l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li kien l-avukat ta’ Gafferena. Il-Prim Ministru qal li dan huwa test ieħor għall-Kap tal-Oppożizzjoni biex jgħid x’passi ser jieħu kontra Dr Fenech Adami li skont il-Prim Ministru ma qalx l-verità fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Gafferena.

Dr Muscat qal li l-istess jgħodd għar-rabtiet tal-ex-Ministru Joe Cassar u tal-ex-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazjzonalista Joe Saliba. Il-Prim Ministru staqsa jekk Dr Busuttil hux se jieħu passi jew inkella jerġa’ jaħrab kif Dr Muscat qal li għamel fil-każ tal-Whistlblower fil-każ tar-ragel tal-ex-Ministru Giovanna Debono.

Il-Prim Ministru sostna li r-riżultati ekonomiċi mhux jiġu waħedhom iżda frott tad-deċiżjonijiet tajbin tal-Gvern. Semma l-investiment tal-kumpanija RS2 f’Għawdex li qal huwa l-ewwel investiment barrani dirett f’Għawdex f’20 sena. Fakkar fil-kritika li saret lill-Gvern meta sena ilu ta permess biex jingħalaq Imgarr ix-Xini għall-ġbid tal-film ‘By the Sea’ li issa qed jagħmel l-aqwa riklam għal Għawdex minbarra li ħalla €20 miljun fl-ekonomija Għawdxija.

Il-Prim Ministru qal l-ekonomija Maltija hija l-aktar waħda li qed tikber u għandna l-inqas rata ta’ qgħad minn kemm ilha tinżamm l-istatistika. Dr Muscat qal li dan huwa suċċess fundamentali ta’ dan il-Gvern u ta’ dan il-moviment li kien kapaċi iraħħas l-kontijiet tad-dawl, tal-gass, tal-petrol u tad-diesel li qal illum huma inqas mil-medja tal-pajjiżi Ewropej.

B’reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru, l-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal fi stqarrija li r-relazzjoni tiegħu ma’ Gaffera kienet biss relazzjoni li tmur lura għal meta lanqas kien membru parlamentari.