
Illum kien ikkonfermat każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, wara li saru 808 testijiet.
Dan ħabbritu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, li qalet li ma’ dawn kienu ddikjarati mfejqa 15-il persuna oħra, biex b’hekk it-total ta’ persuni mfejqa laħaq 165.
B’hekk issa t-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 276.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-każ il-ġdid huwa ta’ tfajla Maltija ta’ 18-il sena li bdiet tħoss is-sintomi fit-18 ta’ April. Qalet li peress li l-istituzzjonjiet edukattivi huma magħluqa, it-tfajla ma kinetx qed tmur l-università u għalhekk qed isir contact tracing tal-familja tat-tfajla. Il-Professur Gauci qalet li hemm żewġ membri tal-familja tat-tfajla li għandhom xi sintomi u qed isirulhom it-testijiet.
Min-naħa l-oħra mill-15-il persuna li ġew dijarati li fiequ mill-Covid-19, hemm seba’ nisa u tmien irġiel. Il-Professur Gauci qalet li tlieta minnhom għandhom bejn 20 u 29 sena, tlieta oħra għandhom bejn 30 u 39 sena, persuna ta’ bejn l-40 u 49 sena u persuna oħra ta’ bejn 50 u 59 sena. Ħames persuni li rkupraw mill-virus għandhom bejn is-60 u 69 sena u tnejn oħra li għandhom bejn 70 u 79 sena. Dawn issa għandhom joqgħodu għal sebat ijiem oħra fi kwarantina sabiex ikun assigurat li ħelsu għal kollox mill-virus.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet ukoll li sal-lum saru 26,123 swab test.
Dwar ir-restrizzjonijiet u jekk l-awtoritajiet tas-saħħa humiex jikkunsidraw li jillaxkawhom anke minħabba li qed iħallu effettii negattivi fuq is-saħħa mentali ta’ uħud, il-Professur Gauci qalet li qegħdin jaħdmu fuq pjan biex inaqqsu r-restrizzjonijiet, imma dan jidħol fis-seħħ wara li jkun hemm ċertezza li l-virus trazzan.
Iktar dettalji dalwaqt. Sadanittant tista’ ssegwi l-konferenza stampa hawn:
Ara wkoll:
Professjonisti tas-saħħa inkluż tobba privati pprovduti b’face visors