Qorti
Keċċewh minn xogħlu għax daħal jirrapporta għax-xogħol flok kollega

It-Tribunal Industrijali ordna Signal 8 Security Services li tipprovdi servizzi ta’ sigurtà biex tħallas €18,520 lil Mario Farrugia, eks-ħaddiem tagħha talli keċċietu minn xogħlu wara li daħal jirrapporta għax-xogħol flok kollega tiegħu. Farrugia kien assenjat jaħdem mal-kumpanija Cargo Operations tal-Air Malta.

Il-każ seħħ f’Jannar 2020 meta Farrugia rċieva telefonata minn kollega u talbu jidħol minfloku minħabba raġunijiet ta’ emerġenza personali. Huwa aċċetta u daħal jaħdem ix-xift tal-kollega.

Ftit wara l-kumpanija infurmatu li kienet se toħroġlu twissija talli qabad u daħal għax-xogħol flok il-kollega tiegħu u spiċċa tkeċċa minn xogħlu.

Il-kumpanija ċaħdet li Farrugia daħal jaħdem minħabba esiġenzi tax-xogħol u ddeskriviet dak li ġara bħala aġir kriminali ta’ “logħob bix-xifts”, xifts mhux maħduma u talbiet għal sigħat li ma nħadmux bl-intenzjoni li tiġi ffrodata.

It-Tribunal Industrijali, ippresedut miċ-Chairman Joseph Gerada, innota li Farrugia għarraf lis-superjuri tiegħu iżda dan ma sarx mill-kollega tiegħu.

Iċ-Chairman tat-Tribunal qal li minn evidenza li ġabar ma sab xejn fl-aġir ta’ Farrugia li jindika li seħħ xi abbuż. Żied li dan indika aġir ta’ koperazzjoni u pragmatiżmu responsabbli biex post sensittiv bħall-Cargo Operations tal-Air Malta jkun kopert bis-sigurtà ta’ gwardjan kif suppost.

Innota wkoll li waqt li Farrugia tkeċċa minn xogħlu, ma ttieħdu ebda passi fil-konfront tal-impjegat li ma daħalx għax-xogħol.

“Li kieku sar smigħ ġust tal-każ mill-kumpanija, kif sar quddiem dan it-Tribunal, kien jinstab li Farrugia ma kienx biss wieħed mill-aħjar impjegati imma kien ħaddiem eżemplari għax mhux biss jagħmel xogħlu sewwa imma jmur lil hinn minn dak mistenni minnu u jwieġeb b’responsabbiltà fil-mument meħtieġ”.

Gerada kompla li ħaddiema bħal dawn għandhom ikunu nnotati u apprezzati u meta dan ma jsirx ma jirrifletti xejn fuq l-impjegat imma jirrifletti ħafna min iħaddimhom.

“It-Tribunal jistmerr il-mod kif ħaddiem serju ta’ 69 sena jkun trattat b’dan il-mod b’deteriment għar-reputazzjoni tiegħu”, qal iċ-Chairman Gerada.Huwa żied li Farrugia għandu joħroġ b’rasu mgħollija minn dan it-Tribunal għax ir-reputazzjoni tajba tiegħu ġiet mogħtija lura lilu u għalhekk ikun ta’ akkwist kbir għal min ikollu l-privileġġ li jimpjegah.

F’din il-kawża Farrugia kellu tidher għalih lill-Avukat Elaine Degiorgio waqt li għas-Signal 8 deher l-Avukat Carlos Bugeja.

Intant tvm.com.mt jinsab informat li l-kumpanija se tkun qed tappella mis-sentenza.