Qorti
AĠĠORNAT: Il-Kummissarju jikkonferma li kien hemm leaks mill-investigazzjoni fil-każ Caruana Galizia

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ikkonferma li kien hemm leaks tal-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza, u qal li ordna investigazzjoni biex tidentifika kif l-informazzjoni kienet qed tinħareġ. Qal iżda li s’issa s-sors ta’ dawn il-leaks ma ġiex identifikat. Il-Kummissarju xehed li l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra kienu l-investigaturi ewlenin. Mistoqsi mill-Imħallef Lawrence Mintoff jekk l-Ispettur Arnaud kienx qed jinvestiga lilu nnifsu dwar il-leaks, il-Kummissarju Cutajar wieġeb li l-biċċa l-kbira tal-investigazzjoni saret minn Kurt Zahra.

Il-Kummissarju Cutajar xehed f’kawża kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech biex l-Ispettur Arnaud jitneħħa mill-investigazzjoni minħabba li qed jallega qrubija li għandu ma’ Keith Schembri. Is-Sur Cutajar xehed, fost oħrajn, li Keith Schembri qatt ma qallu li kien ħabib ta’ Yorgen Fenech. Il-Kummissarju qal li l-investigaturi qatt ma tawh tagħrif li Keith Schembri kien persuna ta’ interess fl-investigazzjoni u ma kienx mgħarraf li kien qed isir tapping tat-telefon ta’ Yorgen Fenech.

Il-Kummissarju Cutajar qal li rriżulta lill-pulizija li Schembri u Fenech kienu ħbieb mir-recordings li nstabu fil-pussess ta’ Melvin Theuma. Is-Sur Cutajar xehed li huwa kien minn tal-ewwel fuq ix-xena tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li sakemm kien għadu Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Silvio Valletta kien jaġġornah dwar il-każ, waqt li l-Assistent Kummissarju Michael Mallia kien iżomm kuntatt regolari mal-Europol dwar l-andament tal-investigazzjoni. Huwa qal li kien attenda għal-laqgħat f’Kastilja dwar l-investigazzjonijiet, li għalihom kien hemm preżenti l-Prim Ministru, Keith Schembri, u f’xi okkażjonijiet il-Ministru Owen Bonnici u l-Avukat Ġenerali.

Il-Kummissarju xehed li Keith Schembri ma kien issemma fl-ebda interċezzjoni li kellhom il-Pulizija u li Schembri ssemma biss fir-recordings li kellu Melvin Theuma wara li ġie arrestat. Huwa spjega li Keith Schembri kien prezenti meta giet diskussa it-talba ghall-maħfra presidenzjali ta’ Vincent Muscat.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud qal li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar il-mobile ta’ Keith Schembri, li ma kienx instab meta ġie arrestat.

Huwa qal li l-Europol kienu involuti mill-ewwel ġurnata tal-investigazzjoni u għadhom involuti sal-lum. L-Ispettur Arnaud qal li għal-laqgħat f’Kastilja ma kienx hemm rappreżentanza tal-Europol iżda kienu jiġu aġġornanti kontinwament. Xehed ukoll li l-FBI kienet involuta fl-investigazzjoni tal-pulizija li wasslet għall-ewwel tliet arresti. Huwa qal li ma jeskludix li jitkompla l-involviment tal-FBI fl-investigazzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Aktar ma jmur, aktar il-finali ta’ ‘X Factor Malta’ qed toqrob. It-tielet Live Show jinsab magħna, hekk kif illejla ‘X Factor Malta’ jissokta b’appuntament ieħor ferm mistenni mill-pubbliku Malti u…

Sport

L-MFA qed tinvestiga kif f’partita tal-F.A Trophy, it-tim tax-Xewkija Tigers, li suppost kien qed jilgħab b’għaxar plejers għaliex kellu wieħed imkeċċi, spiċċa l-partita bi ħdax-il plejer. Pietà marru fil-vantaġġ wara…

Qorti

Zeiad Mohamed Abuzoda ġie akkużat li s-Sibt ikkaġuna ħsara u hedded numru ta’ persuni f’San Pawl il-Baħar. Il-Libjan ta’ 40 sena u li joqgħod San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti quddiem…

Saħħa

Ċittadini Maltin li jagħtu l-kunsens biex it-tagħrif mediku tagħhom ikun aċċessibbli minn sptarijiet f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jkunu mgħejuna b’aktar effiċjenza f’każ t’emerġenza waqt li jkunu msefrin. Malta hija fost…

Aktar