Qorti
AĠĠORNAT: Sostna li fetaħ kumpanija fil-Panama għax kien hemm xi leaks tal-assi li kellu f’bank lokali

L-ex chief of staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri kien ix-xhud ewlieni waqt l-inkjesta pubblika li qed tiddetermina jekk l-istat setax iwaqqaf il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. Is-Sur Schembri wieġeb id-domandi kollha li sarulu u qal li l-inkjesta li saret fuqu ma sabitx li kien implikat f’korruzzjoni, filwaqt li sostna li fetaħ kumpanija fil-Panama għax kien hemm xi leaks tal-assi li kellu f’bank lokali.

Schembri qed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem l-imħallfin Michael Mallia, Joseph Said Pullicino u Abigail Lofaro.

Il-Bord iwissi lil Schembri li qiegħed taħt investigazzjoni u li kwalunkwe tweġiba tiegħu tista’ timplikah

Waqt li beda jagħti x-xhieda tiegħu fil-Qorti, Keith Schembri jgħid li bħalissa jinsab fuq police bail. Schembri jwieġeb li jrid jixhed u meta mistoqsi meta bdiet il-karriera politika tiegħu qal li l-iskola San Alwiġi kien ma’ Joseph Muscat u li kien jaħdem għal xi żmien is-Super One.

Qal li hu u Joseph Muscat kienu li bdew il-ġurnal Kullħadd u li meta Muscat ħareġ għall-MEP fl-2004 huwa ddeċiedda li jgħinu fil-karriera politika tiegħu.

Schembri qal li università ma marx għax ma fetaħx il-kors tal-liġi iżda mar jaħdem sentejn il-BOV u wara beda n-negozju tiegħu.

Mistoqsi x’kien l-irwol tiegħu fl-elezzjoni tal-2013, Schembri wieġeb li kien campaign manager u kien imexxi l-kampanja elettorali.

Qal daħal fil-politika wara li stabilixxa n-negozju tiegħu u mhux bil-maqlub.

Schembri kompla jgħid li naqqsu d-dejn tal-gvern bin-nofs, żiedu d-dħul u x-xogħol mingħajr ma ntmesset il-kaxxa tal-poplu.

Il-Bord jistaqsih mistoqsijiet dwar l-Electrogas

Dwar l-electoragas, Schembri qal li ma kienx hemm pjan qabel l-elezzjoni. Qal li pajjiż qatt ma seta’ jistrieh biss fuq interconnector għall-fini ta’ sigurtà tad-domanda. Ma kienx hemm pjan tal-Electrogas biss imma kien hemm pjan ħolistiku għall-enerġija.

Schembri kompla jgħid li l-mira kienet li jnaqqsu l-heavy fuel oil.

Imħallef tal-bord jikkumenta li l-Partit Laburista kkmommetta ruħu li jgħaqqad il-power station fi żmien 6 xhur u għalhekk sinjal li kien hemm pjan. Ikkummenta li ma jistax ikun li power station tinbena fi żmien sitt xhur mingħajr pjan.

Keith Schembri jwieġeb li din pajjiżi oħra jagħmluha.

L-Imħallef jikkummenta li sentejn mhux sitt xhur.

Schembri qal li wara 20 sena fin-negozju deherlu li kien hemm deċiżjonijiet li kienu faċli, li setgħu jsiru imma l-proċessi kienu kkumplikati. Qal li nies fin-negozju kienu jgergru.

Schembri mistoqsi dwar ir-relazzjoni li kien hemm bejnu u bejn Yorgen Fenech u min għamel it-tender tal-Electrogas

Schembri jwieġeb li t-tender għamlu l-Gvern u ma jafx id-dettalji meta mistoqsi ma’ min saru l-konsultazzjonijiet.

Qal li fl-inkjesta ilhom iħarrfu u li d-dellijiet faċli titfagħhom. Qal li Maġistrat qalet li ma hemm l-ebda provi li kien hemm xi kickbacks għall- bejgħ ta’ passaporti anki l-esperti forensiċi qed jgħiduha. Schembri qal li mitt elf kienu għal raġunijiet personali u kien ħlas għal self fl-2011, meta ma kienx għadu involut fil-politika.
Fl-2013, meta daħal fil-politika qal li diġà kellu offshore structures li ma kienx hemm illegalitajiet dwarhom. Fl-2013 qal li fetaħ fond mal-BOV. Xi ħadd qallu li l-Partit Nazzjonalista kien jaf id-dettalji kollha. Schembri ddeċieda li ma jfittix lill-Bank iżda li jiftaħ fond barra minn Malta, biex ma jkolkux x’jaqsam ma’ Malta u mar New Zealand għax huwa pajjiż tal-Commonwealth, B’Mossen Fonseca qallu li jrid ikollu xi ammont ta’ dħul.  Schembri qal li kieku kien għalih, kien iħalli l-fond il-BOV iżda bdew jingħataw leaks lill-PN.
Qal li xtaq jgħix ħajja normali u li dan il-fond swieh il-flus. Ammetta li forsi seta’ kien inġenwu.
Il-Bord jistaqsih dwar Tillgate
Schembri jgħid li diġà kien Chief of Staff meta fetaħha. Qal li ta struzzjonijiet lill-awditur tiegħu  iżda ma ta l-ebda data. Qal li dak il-fond ma kellu x’jaqsam xejn ma’ fondi oħra, u lanqas ma’ Konrad Mizzi.
Schembri jistaqsi lill-Bord kif ma jistaqsihx dwar Macbridge u jgħid li żeffnuh fin-nofs l-awdituri iżda ma staqsiex lill-awdituri meta qabdu jgerfxu ammonti, Qal li ssemmew ammonti u jimplikawh f’fondi.
L-Imħallef Lofaro tikkummenta li kieku kienet floku, kienet tkeċċihom.
Il-Bord ma’ jistax jemmen dak li qed jisma’…
Schembri jikkummenta li hawn Malta allaħares ma hawnx offshore companies għall-ekonomija. Kompla jgħid li l-financial advisors tiegħu huma n-Nexia u li ilu jaħdem magħhom mindu kellu 17-il sena.
Il-Bord jistaqsih kif baqa’ man-Nexus u dwar ċifra li din kellha tirċievi €150,000 minn 17 Black
Schembri qal li l-kumpanija temporanja li fetaħ kellha tirċievi dawn il-flus u meta mistoqsi meta kien li akkwista Tillgate, wieġeb li ma jistax jiftakar.
Il-Bord jistaqsih kif dan ma jafux u jirrimarka jekk żammx dokumenti jekk kellu bżonn din l-asset company fil-Panama biex tittrasferixxi flus fil-kont fi New Zealand.
Wieġeb li ta l-permess kollu lil Nexia BT biex jiftħulu dawn il-kumpaniji u li ma jafx ismijiet kollha tal-kumpaniji tiegħu.

Dr Comodini Cachia dwar Colson Services Limited, tistaqsih x’rabta għandu magħha. Schembri jgħid li kellu kumpanija fl-Ingilterra u f’Ċipru. Fil-British Virgin Islands kellu kontijiet, mhux kumpaniji. Jgħid li jaħseb li dawn kienu f’ismu, jew f’isem il-familjari tiegħu. Jgħid li skont il-liġi, ma kellux għalfejn jinforma lill-Kummissarju tat-Taxxa bil-kumpanija barra minn Malta. Qal li hu kellu 17 Black bħala klijent potenzjali biex jagħmel in-negozju ma’ dik il-kumpanija la jitlaq mill-politika.

Urtat, l-Imħallef Mallia jikkummenta dwar il-fatt li klijent potenzjali jirċievi 2 miljun dollaru. Il-Bord jistaqsih dwar Joseph Muscat u jekk kienx jaf dwar il-Panama Papers. Staqsewh ukoll meta informa lil Muscat u jekk 17 Black kienx klijent tiegħu