Qorti
“Keith Schembri kellu wisq poter” – Evarist Bartolo

Quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, li stqarr li l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kellu wisq poter fuq il-gvern.

Waqt seduta li damet sagħtejn, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro qalu li jkun tajjeb li l-membri kollha li kienu fil-kabinett meta seħħ id-delitt jissejjħu quddiem l-inkjesta pubblika biex ikunu jistgħu jistabilixxu stampa ċara tal-operat tal-gvern iż-żmien u jekk setgħax ikkontribwixxa għal qtil tal-ġurnalista.

Quddiem l-inkjesta pubblika biex tistabilixxi jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setax ġie evitat, xehed il-Ministru Evarist Bartolo li fost oħrajn ġie mistoqsi mill-bord tal-inkjesta dwar kitbiet tiegħu fuq facebook dwar is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż.

Dwar post fejn kiteb li jekk ma jittieħdux il-passi kollha meħtieġa biex l-istituzzjonijiet iżommu skrutinju sħiħ ta’ kif jittieħdu d-decizjonijiet, il-pajjiż kien ser jispiċċa fil-periklu ta’ żewġ gvernijiet paralleli: bi gvern li jidher fuq il-palk u gvern ta’ wara l-kwinti, il-bord staqsa jekk kienx qed jiġri hekk. Il-Ministru Bartolo wiegeb li iva u għalhekk kien tkellem b’dak il-mod.

Mistoqsi mill-Avukat Therese Commodini Cachia jekk il-Gvern ta’ wara l-kwinti kienx immexxi minn Keith Schembri, il-Ministru Bartolo ikkonferma. Il-Ministru Bartolo qal li l-influwenza li kellu Keith Schembri fuq il-Gvern kienet esaġerata u li kellu wisq poter, ħaġa li qal kienet qed tagħmel ħsara lil pajjiż. Qal li fil-kabinett ma ġewx diskussi l-kuntratti dwar l-għoti ta’ konċessjoni ghat-tlett sptarijiet lil Vitals Global Healthcare, u dak dwar il-powerstation tal-Electrogas.

Tenna li għalih il-ftuħ ta’ kontijiet f’pajjiżi fejn jaħbu minn fejn ikunu ġejjin il-flus mhux moralment aċċettabbli. Qal li wara li ħarġu l-Panama Papers kien tkellem dwarhom mal-Prim Ministru Joseph Muscat, ma’ Keith Schembri u ma’ Konrad Mizzi, iżda ma kienu għamlu xejn. Mistoqsi mill-Imħallef Abigail Lofaro għaliex ivvota favur Joseph Muscat f’żewġ voti ta’ fiduċja, il-Ministru Bartolo qal li għażel it-triq li jkompli jibdel minn ġewwa, minflok li jinħaraq.

Waqt is-seduta, il-Ministru Bartolo qal li jkun inutli li jsiru r-riformi jekk in-nies li jinħatru fil-karigi jkunu mnawrin. Qal li r-raġuni għalfejn daħal fil-politika kienet biex ikun hawn sistema li ma tħallix kollox jgħaddi. Qal li f’pajjiż żgħir bħal Malta ir-riskju ta’ kollużżjoni huwa kbir, u semma kif wara li laħaq Ministru fl-1996 ġie mistieden għal fenkata f’razzett, fejn fost oħrajn kien hemm ukoll avukat, ġudikant u kuntrattur. Qal li kien sab diskors dwar negozju u kuntratti u minn dakinhar ħalef li ma jaċċettax stedina oħra ta’ dan it-tip.

Il-Ministru qal li s-soċjeta ċivili għamlet tajjeb li ħarġet tipprotesta fl-aħħar tal-2019, għax kompliet isaħħaħ l-argument ta’ membri tal-kabinett li kienu qegħdin jimbutaw għall-bidla, li stqarr seħħet bil-ħatra ta’ Prim Minsitru ġdid.

Mistqosi dwar l-irwol ta’ Neville Gafa, il-Ministru qal li ma għandu l-ebda rwol fil-Ministeru tiegħu u ser jivverifika x’kien l-irwol tiegħu qabel l-2020, u jekk għandux passaport diplomatiku. Qal li jekk għandu, se jitneħħielu.