Kelb tad-Dwana jsib €32,849 mhux dikjarati fuq żewġ passiġġieri fl-ajruport

Żewġ passiġġieri li kienu għadhom kemm jaslu Malta fuq titjira minn Zurich, l-Iżvizzera, kienu mmultati wara li nqabdu bi €32,849 mhux dikjarati.

Il-passiġġieri, ta’ nazzjonalità Tajlandiża u Żvizzera, baqgħu għaddejjin mill-Green Channel minn fejn jgħaddu passiġġier li ma jkollhom xejn x’jiddikjaraw.

Madankollu l-kelb tad-Dwana bl-isem Charlie indika li fil-bagalji kien hemm ammont kbir ta’ flus u kien għalhekk li l-uffiċjali tad-Dwana bdew bit-tfittxija fejn sabu l-flus imsemmija.

Skont il-liġi passiġġieri li jinqabdu bi flus mhux dikjarati jingħataw il-possibilità li jħallsu multa u jkomplu għaddejjin bil-vjaġġ inkella jekk le jitressqu l-Qorti biex il-każ ikun deċiż hemm.