Annimali
Kelba li sidha nqabad isawwatha operata minħabba diversi tumuri

Il-kelba li ġiet ikkonfiskata mill-uffiċjali tal-Animal Welfare wara li allegatament issawtet minn dak li kien sidha, kellha tgħaddi minn operazzjoni delikata biex jitneħħulha għadd ta’ tumuri f’sidirha.

L-Animal Welfare ħadet il-kelba f’idejha wara li ntweriet filmat tal-allegat aggressjoni. Il-kelba ngħatat l-isem ta’ Cindy.

Għalkemm l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati, li qed tieħu ħsiebha, irċeviet diversi talbiet minn persuni li jridu jaddottawha, il-kelba nstab li għandha problemi ikbar f’saħħitha. Dan għall-fatt li feġġewlha diversi tumuri minħabba nuqqas ta’ kura immedjata.

Bil-għan li jsalvawlha ħajjitha, il-kelba ġiet operata bil-veterinarju jneħħielha sidirha, u anke ġiet imsewwija.

L-AAA qalet li tittama li t-tumuri ma ġewx mil-lum għall-għada u esprimiet it-tama li ssir ġustizzja.

Sid Cindy se jitressaq il-Qorti wara li allegatament sawwatha b’biċċa għodda