Annimali
Kelba tmut wara li kielet droga mormija fil-ġardina ta’ dar

Sid ta’ kelba li mietet wara li belgħet droga mormija fil-ġardina kellu kliem iebes għat-traffikant tad-droga li aġixxa b’dan il-mod.

Il-każ seħħ fil-Villaggio Brollo di Solaro, provinċja ta’ Milan, bil-kelba Margot (ritratt) tmut wara li marret tgerrem il-pakkett u kielet id-droga.

Il-kelba ttieħdet għand veterinarju fejn instab ammont konsiderevoli ta’ droga fl-istonku tagħha.

Sid il-kelba, Dante Cattaneo, irrikorra għall-Facebook biex jikkundanna lit-traffikanti tad-droga.

Huwa qal li minħabba xi ħadd li biex jaħrab rema d-droga fil-ġardina tiegħu nqatlet il-kelba tal-familja. Cattaneo u martu għandhom żewġt itfal.

Ir-raġel appella lil dawk li jgħixu f’zoni fejn jafu li jsir traffikar biex joqgħodu attenti u jipproteġu lill-annimali minn dawk li sejjaħ bħala “bestji”.

Fost dawk li rreaġixxew għal din l-istorja kien hemm min wera t-tħassib tiegħu li d-droga setgħet spiċċat f’idejn it-tfal u t-traġedja setgħet kienet akbar.