LGBTIQ
Tgħid li kellha appuntament għall-ġinekoloġija u twaqqgħet għaż-żufjett

Mara esprimiet l-għadab tagħha għall-fatt li sabet uffiċjal tas-sigurtà li qalet għaddietha biż-żmien meta daħlet l-isptar Mater Dei għal appuntament tal-ġinekoloġija.

Fuq il-midja soċjali Gabriella Cassar Meli qalet li l-uffiċjal laqgħetha u staqsietha fejn sejra, u meta urietha l-karta li għandha appuntament fid-dipartiment tal-ġinekoloġija, l-uffiċjal staqsietha “Mela l-irġiel imorru l-gynae?”

Minkejja li hawn is-sitwazzjoni kienet diġà saret imbarazzanti, is-Sinjura Cassar Meli qalet li forsi kienet lesta taċċettaha, għax minħabba l-apparenza tagħha ħafna ma jindunawx li hi mara.

Qalet iżda li meta infurmat lill-uffiċjal tas-sigurtà li kienet mara, din ipprovat twaqqagħha għaż-żufjett u weġbitha: “Tini ċans ħa nidħaq.”

Is-Sinjura Cassar Meli qalet li din l-attitudni m’għandhiex tkun aċċettabbli, u appellat biex tittieħed azzjoni.