Kultura
Kellhom ifakkru okkażjoni speċjali – iżda kollox kwiet f’Ħal Lija

Bħal għada filgħaxija, lejlet il-festa tas-Salvatur f’Ħal Lija, id-dilettanti tan-nar kienu joħonqu ż-żoni ċentrali ta’ Malta biex isegwu l-ispettaklu ferm mistenni tal-logħob tan-nar. Din is-sena, minflok fl-għelieqi jħejju għal dan l-ispettaklu, id-dilettanti sibnihom fil-post tan-nar; jaħdmu n-nar diġa’ għas-sena d-dieħla.

Ħal Lija hu magħruf l-aktar għat-torri u għal-logħob tan-nar spettakolari fil-festa tas-Salvatur, b’mod speċjali l-ispettaklu ta’ lejliet il-festa.

Kuntrarju għas-snin l-imgħoddija, jumejn qabel il-festa, fil-kamra tan-nar ta’ San Mikiel sibna lil uħud mid-dilettanti bilqegħda għad-dell u ftit oħra li kienu fil-kmamar ta’ ġewwa jħejju x-xogħol għal sena oħra.

“Din ġieli ġrat qabel jew l-ewwel darba? Le l-ewwel darba hu, ifhimni qatt ma konna daqshekk kalmi hu,” fisser Christian Debono, dilettant tan-nar f’Ħal Lija. “In-naqra li nistgħu nagħmlu ħa nagħmluh hu.”

“Tħoss naqra dwejjaq, ngħiduha kif inhi, għax li kieku qegħdin nippreparaw għal xogħol ta’ spettaklu ta’ lejlet il-festa, imma din is-sena ġiet hekk,” spjega Jesmond Bezzina, dilettant ieħor.

Kif mistenni, id-dilettanti tan-nar, fosthom l-iżgħar wieħed, Miguel Borg, dehru diżappuntati li x-xogħol kollu li ħadmu fuqu fl-aħħar sena spiċċa jinħaraq f’żewġ festi f’Għawdex f’Ġunju u Lulju, parti minnu merfugħ fl-imħażen, u parti oħra li se tinħaraq fi spettaklu żgħir ħafna li se jtellgħu l-Ħamis filgħaxija.

“Ikollna erba’ ħarqiet tradizzjonali jiġifieri murtali, beraq u kulur mill-guy imbagħad jkollna show żgħir b’kaxxa żgħira biex tagħti l-aħħar tislima lis-Salvatur kif nistgħu din is-sena,” fisser Miguel Borg.

Din is-sena għad-dilettanti tan-nar f’Ħal Lija kienet se tkun okkażjoni li jiċċelebraw l-40 sena minn meta l-kamra tan-nar saret l-ewwel waħda f’Malta li rebħet kompetizzjoni tan-nar barra, f’Monaco. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID, il-purċissjoni u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi esterni tħassru kollha.

F’Ħal Lija, is-Sagristan Aaron Cuschieri qalilna li l-festa għadha mingħajr pika, b’devozzjoni kbira lejn is-Salvatur u ċentrali fil-ħajja soċjali tal-komunità. “Żmien il-festa għadu żmien li jgħaqqad, fortunatament għadu żmien hekk f’Ħal Lija.”

Is-Sur Cuschieri qalilna li l-Ħamis li ġej, il-festa se ssir xorta waħda u grazzi għal TVM2, min ma jistax jattendi fiżikament se jkun jista’ jsegwi permezz tat-televiżjoni fid-930 ta’ filgħodu. “Filgħodu l-quddies se jkun regolari u l-pontifikal tal-festa ser isir li huwa l-qofol tal-festa kollu.”

U waqt li waħda mill-aktar festi mfittxija, speċjalment għan-nar mhux se ssir, Christian Debono qed jittama li l-festa terġa’ ssir normali fi żmien sena oħra. “Qed nipprova nitlob ‘l Alla forsi s-sena d-dieħla nagħmluha sewwa, issa naraw hu.”

Aħbarijiet Oħra

Studju maħruġ minn diversi esperti Maltin fil-qasam tas-saħħa fosthom il-Professur Charmaine Gauci, jgħid li Malta qed tesperjenza t-tieni mewġa ta’ Covid-19 kawża ta’ żewġ avvenimenti tal-massa li saru fis-sajf. Fl-istudju…

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Aktar