Avjazzjoni
AĠĠORNAT: Kellhom jitilqu dalgħodu lejn id-Danimarka iżda tħallew lampa stampa

F’anqas minn ġimgħa, grupp ieħor ta’ Maltin tħalla l-art, din id-darba f’Malta stess, wara li titjira minn operatur privat li kellha twassalhom id-Danimarka tħassret ftit ħin qabel it-tluq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan il-grupp kien tielgħa għal tournament tal-futbol u ġie infurmat b’dan l-iżvilupp erba’ sigħat biss qabel il-ħin tat-tluq.

Għodwa diżappuntanti għal grupp ta’ madwar 280 persuna, nofshom tfal mill-klabbs tal-football tal-Pietà, il-Ħamrun u Birkirkara, li kellhom jitilgħu Aalborg fid-Danimarka għat-tournament tal-football Dana Cup.

Ġenituri li kkuntattjaw lil Television Malta urew l-għadab tagħhom għall-kumpanija privata Flight Support Services li ma onoratx ftehim biex issir it-titjira għad-Danimarka. Qalu li wara l-każ ta’ 142 passiġier li fil-bidu tal-ġimgħa tħalla l-art fid-Danimarka, kellhom laqgħa ma’ Joffrey Mallia mill-istess kumpanija, li skont huma tahom il-kelma li t-titjira tal-lum se ssir kif pjanat.

L-ajruplan kellu jitlaq minn Malta l-Ġimgħa fl-10.30 a.m. Madankollu erba’ sigħat qabel irċevew messaġġ fuq il-mobile, biex ma jmorrux l-ajruport għax it-titjira tħassret. Huma kellhom idumu d-Danimarka aktar minn ġimgħa u kellhom jiġu lura Malta l-Ħadd 28 ta’ Lulju.

Erbat ijiem ilu, l-Air Malta operat titjira ta’ emerġenza fuq struzzjonijiet tal-Ministru Konrad Mizzi biex 142 passiġier inġiebu Malta mid-Danimakra wara li t-titjira ta’ ritorn thassret. F’dak il-każ, kien irriżulta li l-kumpanija tal-istess Joffrey Mallia ma onoratx il-ftehim mal-passiġġieri.

Wara dan il-każ, irriżulta li s-Sur Mallia kien ukoll impjegat fid-dipartiment tal-operat tal-Air Malta, bil-linja nazzjonali tal-ajru ssospendietu mill-impjieg minnufih.

Fi stqarrija, il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar esprimiet tħassib dwar dawn il-każi. Appellat lill-awtoritajiet biex fond li kien twaqqaf biex jagħmel tajjeb għal vjaġġaturi Maltin li jinqabdu f’sitwazzjonijiet skomdi meta l-aġent tal-ivjaġġar tagħhom ifalli, jiġi estiż għal ċirkustanzi bħal dawn.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

F’rapport li jsir kull ħames snin dwar l-istat tal-ambjent fil-pajjizi Ewropej jghid li jeħtieġ soluzzjonijiet fundamentali fl-għaxar snin li ġejjin biex jiġi evitat tibdil fil-klima li iwassal għall-temperaturi għoljin estremi….

Kisbiet

L-atti notarili tan-nutar Paolo Bonello li għex fis-seklu ħmistax, servew ta’ punt ta’ tluq għal sistema bbażata fuq intelliġenza artifiċjali msejħa Notary Pedia. L-istudenta tal-Masters fl-intelliġenza artifiċjali fl-Università ta’ Malta…

Annimali

Jingħad li l-kelb huwa l-aqwa ħabib li l-bniedem jista’ jkollu iżda għal persuni neqsin mid-dawl, bil-kundizzjoni tal-awtiżmu jew diabete kelb jaf ikun bastun tad-demm u l-laħam. Aktar kmieni din il-ġimgħa…

Lokali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum. Fi stqarrija l-IĠM qal li ġie infurmat li ġurnalista għamlet rapport lill-Pulizija wara li rċeviet ittra ta’…

Aktar