Stejjer Umani
“Kelli dwejjaq kbar u waqajt għad-droga – determinat li nibni ħajti u ngħin lil min hu bħali”

Sentejn ilu waqa’ għall-vizzju tad-droga għax tilef lill-ommu u sofra minn sfidi mentali, iżda issa ddeċieda li jidħol għall-programm tal-Caritas biex ikun jista’ jerġa’ jgħannaq lil familtu u jgħin persuni oħra li tinsab mirkuba mid-droga. TVM tkellem ma’ Roman Gafa’ li huwa wieħed mit-3 persuni li se jidħlu fil-programm tal-Caritas f’San Blas, li reġa’ beda jilqa’ residenti ġodda wara waqfa ta’ kważi 3 xhur minħabba l-pandemija.

Viżibbilment ferħan li dawn id-disa’ xhur li ġejjin se jaħdem biex jibni ħajtu mill-ġdid, Roman Gafa’ qalilna li ħerqan li jidfen darba għal dejjem il-vizzju tad-droga li fnietlu ħajtu.

Roman, ta’ 42 sena qal li dsatax-il sena ilu kien temm b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga u beda jaħdem fin-negozju ma’ missieru iżda meta ltaqa’ ma’ ċerti problemi f’ħajtu reġa’ waqa’ għall-vizzju.

”Erġajt mort għad-droga, kont depressed u tlift lill-ommi, u kelli rapport ma’ partner u spiċċa.”

Roman qal li issa ddeterminat li fil-programm tal-Caritas se jibni ħajtu mill-ġdid u ma jerġa’ qatt għall-passat tiegħu.

“Itini l-identità tiegħi, nerġa’ nsib jien min jiena, u min jipprova jbegħli ngħidlu le u nimxi ‘l quddiem.”

Flimkien ma’ Roman, raġel ta 37 sena se jidħol ukoll għall-programm tal-Caritas, bil-ħolma tiegħu li wara l-programm ikollu l-familja tiegħu.

“Id-droga ttik ferħ ta’ dak il-ħin stess, però jekk tagħmel sagrifiċċju u ssib il-ferħ, hemm tinduna x’inhu l-ferħ vera, bid-droga hemm konsegwenzi kbar.”

Id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt qal li minħabba l-Covid, il-Caritas kienet imħassba serjament għal madwar 20 persuna li ma setgħux jibdew il-programm minħabba l-prekawzjonijiet li ttieħdu f’San Blas.

”Daħlu l-ewwel 3 persuni f’San Blas wara li għamlu swab negattiva f’Dar Charles Miceli u hekk ftaħna l-bieb biex min għandu bżonn programm jidħol.”

F’San Blas bit-3 residenti ġodda hemm 26 persuna, li minnhom 18 huma rġiel. Sbatax għadhom qed jistennew biex jidħlu. Il-programm ta’ San Blas idum sitt xhur u wara jagħmlu programm ta’ 3 xhur ohra f’Dar fil-Komunità biex jitħejjew għall-ħajja fil-komunità.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Infrastructure Malta għażlet żewġ artisti u żewġ ditti tal-arkitettura minn Malta, Ċipru u r-Rumanija sabiex jipproduċu erba’ xogħlijiet artistiċi kbar għaż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar il-flyovers tal-Marsa Junction Project wara…

Kultura

Il-parruċċani tas-Siġġiewi 320 sena ilu kkummissjonaw żewġ biċċiet tal-arti, kurċifiss u kwadru li flimkien jirrappreżentaw ix-xena tal-golgota fi tliet dimensjonijiet. Din l-opra tal-arti kienet saret f’Ruma. F’dan iż-żmien kemm il-kurċifiss…

Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

Aktar