Lokali
“Kelli noħroġ minn dari” – l-Ambaxxatur Malti għall-Palestina

L-ambaxxatur Malti għall-Palestina Franklin Aquilina ra mill-qrib il-ġlied li ħakem il-Lvant Nofsani fl-aħħar jiem u li ġiegħluh joħroġ minn daru.

Aquilina jgħix f’Sheikh Jarrah, żona fil-Lvant ta’ Ġerusalem fejn hemm jgħixu ħafna Palestinjani.

TVM ikkuntattja lil Aquilina fejn talbu kumment dwar is-sitwazzjoni tiegħu u tal-Maltin li jgħixu fl-inħawi.

“Minħabba li jien ngħix f’Sheikh Jarrah esperjenzajt mill-qrib il-protesti u l-ġlied li għal dawn l-aħħar ġimgħat kien isir kull filgħaxija. Għaldaqshekk il-Ministeru (għall-Affarijiet Barranin u Ewropej) iddeċieda li noħroġ temporanjament minn dari u nirreloka f’post iktar sigur f’Ġerusalemm tal-Lvant”.

Dwar is-sitwazzjoni tal-Maltin l-oħra li hemm fil-pajjiż l-Ambaxxatur Malti għall-Palestina qalilna li qiegħed f’kuntatt ma’ dawk li jaf li qegħdin hawn.

“Nista’ ngħid li, sakemm qed nikteb, l-ebda Malti jew Maltija ma sfaw vittmi tal-vjolenza jew attakki”.

Aquilina spjegalna s-sitwazzjoni kerha li ġejja kemm minħabba l-attakki tal-Iżrael fuq Gaza kif ukoll dawk tal-Hamas fuq bliet Iżraeljani.

Huwa sostna li l-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-Għarab fil-bliet ewlenin f’Iżrael huwa nkwetanti ferm madankollu t-tensjonijiet bdew jeskalaw qabel intefa’ l-ewwel ‘rocket’ mill-Hamas nhar it-Tnejn li għadda.

“F’dawn l-aħħar ġimgħat esperjenzajna ġlied bejn il-Pulizija Iżraeljana u l-Palestinjani f’diversi partijiet ta’ Ġerusalemm l-antika partikolarment f’Damascus Gate u l-Moskea Al Aqsa. Irridu niftakru li dan kollu ġara waqt ix-xahar imqaddes tar-Ramadan”.

Fl-istess ħin għaddejja kwistjoni oħra f’diversi partijiet ta’ Ġerusalemm tal-Lvant partikolarment f’ Sheikh Jarrah fejn ‘settlers’ Lhud fetħu kawża kontra residenti Gharab biex iqalftuhom ‘il barra u joħdulhom djarhom.

“Il-kwistjoni tmur lura għexieren ta’ snin però f’dawn il-ġimgħat għandu jkun hemm deċiżjoni finali tal-Qorti Iżraeljana fuq dawn il-każi”.

Aquilina sostna li ma’ dan tista’ żżid ukoll il-frustrazzjoni tal-Palestinjani li kellhom jivvutaw għall-ewwel darba wara 15-il sena, fit-22 ta’ Mejju, iżda l-elezzjoni ġiet posposta mill-President Palestinjan Mahmoud Abbas.

“Ir-raġuni li ngħatat kienet dik minħabba li l-Iżrael ma ppermettiex lill-Palestinjani li jgħixu fil-Lvant ta’ Ġerusalemm okkupata fl-elezzjoni. Dawn il-fatturi waslu għal din l-eskalazzjoni”, żied jgħid Aquilina.

L-Ambaxxatur Malti għall-Palestina qal li huwa jittama li l-ġlied jieqaf u jirbaħ id-djalogu.

“Malta ssejjaħ lin-naħat kollha nvoluti biex jaħdmu sabiex titnaqqas it-tensjoni u jieqaf il-ġlied waqt li tisħaq fuq id-dritt tal-Palestinjani li ma jiġux imċaħħda minn djarhom f’Ġerusalemm tal-Lvant. Malta terga’ ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati”.

Minbarra Aquilina fil-Lvant Nofsani hemm ukoll l-Ambaxxatur Malti għal Iżrael Patrick Cole għalkemm dan ma ntalabx joħroġ minn daru f’Tel Aviv.

F’kumment fuq Facebook il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo rrimarka li ż-żewġ ambaxxaturi qed ikunu kostretti jidħu għall-kenn sikwit mill-attakki li qed isiru bejn l-Iżraeliti u l-Palestinjani u kkonferma li Aquilina ntalab joħroġ minn daru.