Qorti
Kellu x’jaqsam ma’ Lourdes Agius qabel allegatament qatilha

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Michael Emmanuel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Ivorju akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius. Maria Lourdes Agius ta’ 35 sena nstabet maqtula fgata fil-kamra tas-sodda tagħha f’Raħal Ġdid minn ommha, fil-15 ta’ Settembru li għadda.

Ommha taħseb li bintha baqgħet rieqda

L-Ispettur James Grech, xehed li dakinhar, għal ħabta tas-7am Michael Emanuel daħal l-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid fejn qal lill-pulizija li huwa mar iqajjem lil mara iżda ma kinitx qed tiċċaqlaq. Qal li fuq il-post marru l-pulizija u sabu lill-ommha, Maria, li qaltilhom li bintha baqgħet rieqda, imma taħseb li ġralha hekk minħabba li jumejn ilu qalgħet xebgħa mill-akkużat f’każ ta’ vjolenza domestika.

L-Ispettur Grech żied jixhed li l-Pulizija sabu lil Maria Lourdes Agius mimduda fuq is-sodda tħares lejn il-ħajt. Qal li l-ewwel impressjoni kienet li l-mara kienet rieqda, iżda s-surġent li mar fuq il-post kien jaf bir-rapport tal-vjolenza domestika ta’ jumejn ilu u kellu suspett li din setgħet kienet mejta. Kien hawn li qamet kommossjoni bejn l-omm il-vittma u l-akkużat, bil-pulizija ttella’ lill-akkużat fuq il-bejt sabiex ifirduhom.

L-akkużat jgħid li dak il-lejl li nqatlet kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien 

Michael Emanuel qal lill-pulizija li dak il-lejl li nqatlet kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien u raqdu f’xi l-10pm. Meta qam, insista li meta pprova jqajjem lil Maria Lourdes Agius, ma qamitx.

L-Ispettur Grech qal li għamlu sentejn jgħixu l-Qawra u sentejn ilu marru joqogħdu m’omm il-vittma f’Raħal Ġdid. Semma’ li fuq il-post mar l-espert forensiku Dr Mario Scerri li mill-ewwel ra tbenġil fuq għonqha u ssuspetta li kienet fgata. Saret l-awtopsja fl-istess ġurnata li nstabet mejta u din ikkonfermat li mietet fgata. Mill-awtopsja ħareġ ukoll li kellha żewġ daqqiet f’rasha, kif ukoll kellha tbenġil ma’ ġisimha kollu speċjalment m’għonqa u rriżulta li kellha ferita f’ħalqha li rriżulta li din kienet mgħottija meta kienet qed tiġi fgata.

Jumejn qabel id-delitt kellhom argument

L-Ispettur qal li jumejn qabel, fit-13 ta Settembru, omm il-vittma qalet lill-Pulizija li Michael Emanuel u Maria Lourdes Agius argumentaw, bl-akkużat isir vjolenti u beda jagħti lill-vittma u lill-ommha. Qalet li beda itiha bis-sieq u jtiha bis-siggu fuq darha. Iż-żewġ nisa ttieħdu l-isptar Mater Dei MDH fejn ġew iċċertikfikati mit-tobba tal-isptar li kellhom ġrieħi ħfif.

Dwar dan il-każ l-Ispettur Grech qal l-vittma u ħuha keċċewh mid-dar u spiċċa jorqod barra fit-triq. Qal li dakinhar l-Pulizija ppruvaw iċemplu lill-Aġenzija Appoġġ biex isibulu fejn joqgħod, iżda ħadt ma qabad it-telephone min-naħa tal-Appoġġ.

Omm il-vittma semgħet l-istorbju

Omm il-mejta qalet lill-pulizija li fis-2am tal-15 ta Settembru semgħet storbju u wara silenzju u ma semgħetx argument ieħor matul il-lejl, iżda ħasset li l-akkużat kien tiela’ u nieżel fuq il-bejt. Fis-7am meta qamet sabitu nieżel minn fuq il-bejt u staqsietu għal bintha, bl-akkużat jirrispondi li Maria Lourdes Agius ma kinitx id-dar u ma jafx fejn marret. L-omm marret fil-kamra tas-sodda u sabitha hemm.

Wara li ġie arrestat, fid-Depot fl-interrogazzjoni, Michael Emanuel qal li twieled il-Ghana iżda rriżulta li twieled il-Kosta tal-Ivorju. Huwa ġie Malta fuq dgħajsa illegalment fl-2011 u sentejn wara iltaqa’ mal-vittma f’San Ġiljan. Qal li huwa talabha għas-sess u jħallasha €60. Wara komplew ir-relazzjoni flimkien għal 3 xhur.  Ftit wara rriżulta li kienet tqila, imma ssuspetta li t-tarbija mhux tiegħu u sar DNA. Id-DNA tah raġun u kkonferma li t-tifla ma kinitx tiegħu. Iżda qal li kien kuntent xorta li jrabbiha avolja mhux tiegħu.

Xehed ukoll psikjatra, iżda x-xiehda tiegħu nstemgħet fil-magħluq minħabba s-sensittivita tal-każ.

Maria Lourdes Agius kienet omm ta’ sebat itfal, fosthom tlieta mill-akkużat. Michael Emmanuel qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Sarah Zerafa filwaqt li Dr Lucio Schria qed jidher għall-akkużat

Il-kawża ġiet diferita għat-22 ta’ Novembru.
Aħbarijiet Oħra
Sport

Il-wrestling għal bosta jidher sports goff iżda għal Wayne Pace beda jsegwi l-isport tar-wrestling minn età żgħira, sakemm sar atleta professjonali. Il-wrestling huwa dixxiplina sportiva bir-regoli tagħha saħansitra ta’ ħarsien…

Saħħa

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei kompla bl-isforzi biex jikber l-għarfien u l-prevenzjoni dwar il-mard tal-qalb. F’jum ta’ attivitajiet, mijiet ta’ nies għamlu testijiet mediċi f’inizjattiva tas-Soċjetà tal-Qalb biex jikber l-għarfien dwar…

Għawdex

L-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi ser jissukta bi skema ġdida Enable Tourism li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena. L-iskema hija maħsuba biex itejjeb l-aċċessibiltà fil-postijiet tal-akkomodazzjoni turistika. Id-dettalji tagħha tħabbru…

Aktar