Pulizija
Kemm hemm persuni li rċevew proklama fl-istorja ta’ Malta?

Fl-istorja tal-omicidji fil-gżejjer Maltin, filwaqt li l-proklami mhux l-ewwel darba li ngħataw, skond l-istoriku tad-delitti f’Malta, Eddie Attard, ir-rata fiż-żewġ sekli li għaddew kienet ferm inqas minn dik tas-seklu 21.

“Fis-seklu dsatax kull ma kellna madwar 10, ġifieri ma tantx kienu komuni, fis-seklu għoxrin kellna ħafna inqas għax kellna madwar 3 jew erbgħa.”

Is-sur Attard qal li fl-aħħar għoxrin sena, erbgħa mill-ħames proklami li ngħataw kienu biex jgħinu lill-Pulizija jsolvu omiċidju. Spjega kif il-Pulizija jkollhom jirrikorru għall-proklami anki jekk ikunu persuni magħrufa sew mal-Pulizija.

“Imma l-awtorità ma setgħetx tagħmel mod ieħor u kellha tagħtihom l-immunità minkejja li dawn kienu jiffurmaw parti minn gang ta’ ħallelin.”

Żied jgħid li minbarra l-għoti tal-proklama, fil-każ tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern offra wkoll rigal, li qal f’Malta hija xi ħaġa li tiġri rari.

“L-aħħar darba li l-Gvern offra rigal kien ta’ omiċidju li jmur lura għall-1955, jiġifieri din tar-rigal ma kienet komuni xejn.”

Mistoqsi dwar kemm huma komuni l-gangs fl-istorja tal-omiċidji f’Malta u Għawdex, li jkunu involuti f’diversi omċidji, is-sur Attard qal li din hija xi ħaġa pjuttost ġdida.

“Bħala gangs li jagħmlu numru ta’ omċidji ma nistgħux ngħidu li kellna ħafna, imma fil-każ tal-bombi, niftakru li ħafna mill-każijiet tal-bombi ma kinux solvuti allura għandna mistoqsija kbira jekk kinux parti minn gang jew xi ħaġa oħra.”

Is-Sur Attard qal li l-iżviluppi ta’ din il-ġimgħa jafu jwasslu biex jintefa dawl fuq min seta’ ħadem numru ta’ bombi li ntużaw f’omiċidji li saru fl-aħħar snin, kif ukoll minn seta’ poġġihom u min kien il-mandant tagħhom.