Kemm huma prattiċi r-regoli imposti dwar id-drones?

Fil-bidu ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ numru ta’ regoli rigward l-użu tad-drones f’pajjiżna. Ħafna dilettanti irrikorrew għall-midja soċjali biex jilmentaw fuq ir-regoli imposti. Bosta qalu li dawn ir-regoli mhumiex prattiċi u se jħallu impatt negattiv fuq min juża dan l-apparat bħala passatemp fil-ħin liberu tiegħu.

Tkellimna ma’ Stephen Spiteri Staines, inspecting officer fl-Air Navigation Services & Aerodromes li tenna li l-iskop primarju ta’ r-regoli imposti huwa li tiġi mħarsa s-sigurtà tal-avjazzjoni. Huwa stqarr li jifhem lil min għandu dan il-passatemp biss is-sigurtà tal-avjazzjoni għandha tingħata preċedenza. “Hawn Malta rridu nkunu iktar restrittivi minn pajjiżi oħra” dan għaliex l-ispazju fl-ajru ta’ madwar Malta huwa kollu spazju tal-ajru kontrollat.

Il-liġi tindika numru ta’ miżuri biex jiġu salvagwardati l-interessi tal-partijiet involuti, eżempji ta’ dan huma li ma jistgħux itiru drones fuq in-nies u għandhom itiru sa għoli massimu ta’ sittin metru. Il-Permessi mitluba bil-liġi għandhom jintalbu online. Permessi biex jintuża drone f’postijiet mhux ristretti jista’ jintalab ftit minuti qabel għaliex il-permess joħroġ dak il-ħin b’mod awtomatiku. Minn naħa l-oħra postijiet oħra fejn hemm ir-restrizzjonijiet, wieħed għandu japplika għall-permess tal-inqas ħamest ijiem qabel.

Tajjeb li ngħidu li llum il-ġurnata dilettanti tad-drones huma mitluba jġibu wkoll liċenzja apposta. Spiteri Staines stqarr li tali liċenzja mhijiex faċli u tirrikjedi livell ta’ studju.