Ekonomija u Finanzi
Kemm isselfu u ddepożitaw flus il-Maltin u l-kumpaniji mill-banek?

Matul is-sena li għaddiet, il-Maltin isselfu €10.6 biljun, li jfisser biljun ewro iktar mis-sena ta’ qabel.  Dan joħroġ minn stqarrija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bankiera (MBA) li fiha ntqal li l-kreditu pprovdut mill-banek lokali żdied b’1.1%.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Karol Gabrretta qal li din iż-żieda ġiet irreġistrata minkejja li l-kumpaniji qed jirrikorru għal sorsi oħra ta’ finanzjament, filwaqt li settur ekonomiċi ġodda bħal-logħob diġitali u l-IT ma jeħtiġux livelli għolja ta’ finanzjament bħalma jista’ jiġri fil-każ ta’ setturi stabbiliti bħal dak tal-manifattura.

Dwar id-depożiti, l-MBA qalet li dawn żdiedu bi 3.4% u laħqu rekord ta’ €18.3 biljun, li jfisser mas-€0.6 biljun iktar mis-sena ta’ qabel.  It-total tad-depożiti mal-banek kollha huwa ta’ €25.4 biljun, bis-Sur Gabarretta jgħid li l-Maltin baqgħu b’fiduċja għolja fis-settur bankarju lokali, tant li jammontaw għal kważi 90%, u żiedu d-depożiti tagħhom.

Fl-istqarrija jingħad li t-total tal-assi tal-24 bank membru tal-Assoċjazzjoni kien ta’ ftit inqas minn €47 biljun sa tmiem is-sena l-oħra.  Is-6 banek lokali ewlenin, li għandhom l-iktar rabtiet b’saħħithom mal-ekonomija Maltija, kellhom total ta’ €22.5 biljun, li jfisser €1.2 biljun iktar meta mqabbel mas-sena ta’ qabel u jirrappreżenta 207% tal-Prodott Domestiku Gross.  Din hija rata inqas mill-medja tal-UE.

Skont l-MBA, is-settur bankarju f’Malta għandu kapital tajjeb, huwa mill-aktar likwidu u profitabbli, u kompla jikkontribwixxi għall-ekonomija lokali, minkejja li f’livelli aktar baxxi minn dawk osservati s’issa.  Il-kontribut dirett tas-settur bankarju baqa’ sinifikanti bi kważi 4,700 impjegat, €187.7 miljun f’pagi, €111.3 miljun f’taxxa fuq il-profitti u €1 miljun dividends imħallsa lill-azzjonisti residenti.