Edukazzjoni
Kemm jaqraw it-tfal tagħna?

Is-sena li għaddiet qabżu l-miljun l-kotba li ġew mislufa mil-librerija pubbliċi. Dan ifisser żieda ta’ tnax fil-mija meta mqabbel mal-2017.

Minkejja li t-tfal jaf ikunu aljenati minn tagħmir elettroniku bħal mobiles u tablet, jidher li għadhom ifittxu l-ktieb. Dan hekk kif skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika żdiedu b’aktar minn elf, in-numru ta’ tfal irreġistrati mal-libreriji pubbliċi.

Gordon Bonello ilu dawn l-aħħar ħames snin jdur l-iskejjel jaqra siltiet minn kotba bil-Malti u bl-Ingliż lit-tfal. Gordon Bonello huwa wieħed mit-tletin Ambaxxatur tal-Qari.

“Kemm huwa importanti l-qari lit-tfal. L-iktar messaġġ li nħobb nagħti mhux lit-tfal imma lill-ġenituri hu li lit-tfal ma nisfurzawhomx biex jaqraw il-kotba għax dik hija penitenza. Lit-tfal nanimawlhom il-kotba u naqraw aħna ħa jarawna bħala eżempju. Jekk naqraw aħna u jarawna naqraw – it-tfal jaqraw.”

Bil-ħsieb li t-tfal ikunu mħeġġa jaqraw iżjed, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat il-kampanja ‘Aqra fis-sajf’.

Matul il-btajjel, l-Ambaxxaturi tal-Qari komplew jaqraw l-istejjer lit-tfal bil-għan li jkomplu jxerrdu l-imħabba lejn il-qari għall-gost.

Mindu beda l-programm ‘Ambaxxaturi tal-Qari’ ħames snin ilu saru mitejn attività ta’ qari fl-iskejjel primarji u medji.

Dawn l-attivitajiet jidher nisġu l-imħabba għall-qari fost it-tfal. Fil-fatt ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li s-self tal-kotba mil-libreriji s-sena li għaddiet żdied bi tnax fil-mija. Il-kotba mislufa mil-librerija fl-2018 qabżu l-miljun u l-għoxrin elf.

Il-membri ġodda rreġistrati mal-libreriji pubbliċi li żdiedu bi 22%, b’aktar min-nofshom kienu persuni taħt it-tmintax-il sena.

Il-libreriji pubbliċi ta’ Ħad-Dingli, Ħ’Attard u l-Imtarfa rreġistraw l-akbar żieda fis-self tal-kotba. Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis ta’ self ta’ kotba fil-libreriji pubbliċi tal-Isla, tal-Kalkara u Ta’ Kerċem f’Għawdex.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika innota li meta mqabbel mal-2017, is-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis fid-donazzjonijiet ta’ kotba u fil-kotba li nxtraw għal-libreriji pubbliċi, iżda kien hemm żieda fl-għadd ta’ kotba elettroniċi – l- eBooks – fil-libreriji pubbliċi.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjana ndarbet gravi wara li ntlaqtet minn karozza. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8am fi Triq Desain, il-Birgu. Il-Pulizija qalet li raġel ta’ 61 sena residenti Ħal Tarxien kien qed isuq vettura…

Lokali

Stennija għall-Budget hekk kif illum il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-Parlament jippreżenta l-Budget għas-sena d-dieħla li huwa t-tielet Budget tal-Gvern f’din il-leġislatura. TVM ħejja skeda speċjali ta’ xandir tal-Budget. Ix-xandira fuq…

Aktar