Budget
Kemm se jkun il-kumpens għall-għoli tal-ħajja?

Għas-sena d-dieħla l-kumpens għall-għoli tal-ħajja mistenni jkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa, għat-tielet darba fl-aħħar ħames snin.

Għalkemm it-Tnejn li ġej il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna se jħabbar formalment il-kumpens li se jibdew jirċievu l-ħaddiema u l-pensjonanti, il-mekkaniżmu hu maħdum skont iż-żieda fil-prezzijiet tal-basket tal-affarijiet l-aktar essenzjali bħal ikel, ix-xorb u l-ħwejjeġ.

Fl-aħħar snin, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja ngħatat sħiħa wkoll lill-pensjonanti. Mill-1 ta’ Jannar li ġej, il-paga minima nazzjonali għall-ħaddiema ta’ iktar minn 18-il sena se tiżdied minn €179.33 għal €181.08.

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja tirrifletti metodu maqbul bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali u bbażata fuq l-istatistika tal-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika joħroġ kull xahar.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Politika Ekonomika, Godwin Mifsud qal li l-kumpens jinħadem skont iż-żidiet fil-prezzijiet tal-affarijiet l-aktar essenzjali ta’ kuljum.

“Il-prezzijiet tal-ikel u x-xorb, ħwejjeġ, ir-rati tal-elettriku, ilma u gass, il-prezz tal-fjuwil, affarijiet relatati mad-dar, komunikazzjoni, saħħa u kura personali, tajjeb wieħed isemmi li din l-istatistika hija bbażata fuq l-istatistika tal-household budgetary survey, li hu stħarriġ estensiv tal-NSO li juri l-bidliet fix-xejriet tal-konsum tal-Maltin.”

Fil-budget ippreżentat sena ilu, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għal din is-sena kienet ta’ 3 ewro u 49 ċenteżmu fil-ġimgħa, l-ogħla sa mill-2014.

Minbarra din iż-żieda, il-Gvern kien ta wkoll bonus ta’ darba ta’ 15-il ewro lil familji ta’ persuna waħda u 35 ewro lil familji ta’ aktar minn persuna waħda biex tagħmel tajjeb għal żidiet fil-prezz tal-ħalib li sa dakinhar tal-budget ma kinitx inqabdet bis-sistema tal-COLA.