Lokali
Kemm suppost tixrob ilma kuljum? – tabiba b’pariri biex tevita heatstroke

L-istaġun tas-sajf jinsab fl-aqwa tiegħu. Għal kuntrarju tax-xita rekord li qed tagħmel fil-Punent tal-Ewropa fi gżiritna qed ikollna sħana taqli l-ankri. B’hekk, ir-riskju li persuna jagħtiha heatstroke huwa ogħla.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt it-tabiba u l-eks radjografa, Dr Georgiana Bonnici qalet li l-aktar persuni li jbatu mis-sħana huma l-anzjani, dawk b’mard kroniku u t-tfal.

Dr Farrugia Bonnici tat għadd ta’ pariri biex tevita li s-sħana tax-xemx tkunlek ta’ periklu:

  • Ixrob minn tal-anqas bejn 1.5 u żewġ litri ilma kuljum. Jekk tqatta’ ħafna ħin fuq barra u tegħreq spiss jaf ikollok tixrob aktar biex tevita n-nixfa.
  • Toħroġx bejn il-11am u l-4pm. Dak il-ħin, ix-xemx tkun fl-aqwa tagħha.
  • Qis li ġewwa jkollok arja kkundizzjonatatitgħabbiex b’ħafna ħwejjeġ.
  • Tħallix persuni jew pets f’karozza taħt ix-xemx.
  • Sunblock tajjeb għandu jkollu Sun Protection Factor ta’ 30 jew aktar.

Dr Farrugia Bonnici spjegat li persuna li jagħtiha heatstroke teħtieġ l-għajnuna minnufih għax dak li jkun jista’ jagħmel ħsara lil organi importanti tal-ġisem bħall-moħħ, il-qalb, il-muskoli u l-kliewi. Qalet, li l-kumplikazzjonijiet serji jistgħu jkunu diversi u li wieħed saħansitra jista’ jkun qed jilgħab bejn ħajja u mewt.

Is-sintomi ta’ heatstroke jinkludu temperatura tal-ġisem ta’ aktar minn 40 grad Celsius, ħmura fil-ġilda, konfużjoni, telqa, eċċezzjonijiet, uġigħ ta’ ras, ritmi tal-qalb jew tan-nifs mgħaġġlin, dardir u remettar.

Dr Farrugia Bonnici żiedet tgħid li f’każ li tkun qrib persuna li taha heatstroke, għandek iċċempel fuq 112 minnufih u ħu azzjoni billi fost l-oħrajn tqiegħed lill-persuna fid-dell jew iddaħħalha xi mkien ġewwa ‘l bogħod mill-qilla tax-xemx, tneħħilha xi lbies żejjed u tpoġġilha l-ilma frisk fuq wiċċha, taħt idejha jew fuq kuxxtejha biex ġisimha jtaffi mis-sħana. Tista’ wkoll tuża fann biex il-vittma tkompli tiffriska.

Għal aktar tagħrif dwar is-saħħa ħolistika tista’ żżur dan is-sit.