Barranin
“Kien bilgħaqal u sinċier…ma rridx nemmen” – Maltija li ħadmet mat-Taljan li miet fid-deżert

Iż-żeffien Taljan Nicolas Esposto, li tilef ħajtu f’inċident fid-deżert fl-Arabja Sawdija, kellu rabtiet anki ma’ Malta. Fost l-oħrajn, huwa ħadem mal-Maltija MaryRose Mifsud, li ddeskrivietu bħala żagħżugħ edukat immens, bilgħaqal u sinċier.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt is-Sinjura Mifsud qalet li Esposto rifes l-għatba ta’ pajjiżna għall-ewwel darba fl-2013 meta kien għadu fil-fjur ta’ żgħożitu. Spjegat, li huwa ġie fi xtutna biex isir aktar midħla tal-Ingliż bil-għan li jinfetħulu aktar bibien f’ħajtu.

Is-Sinjura Mifsud irrakkontat ma’ dan is-sit li Esposto ħadem anki magħha f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan għal ftit xhur. Taħt it-tmexxija tal-Front Office Manager Marie Claire Camilleri, hija kienet fost il-kollegi li ħarrġuh għal diversi jiem, fost l-oħrajn, biex iwieġeb it-telefown u biex jitgħallem ixammar il-kmiem f’xogħlijiet oħra fir-reception tal-lukanda.

Żiedet, li ta’ spiss kienu jitħaddtu fuq iż-żfin peress li bintha kienet tiżfen ukoll. Lil Eposto, is-Sinjura Mifsud tiftakru jgħidilha li jrid isir żeffien.

Esposto kien wieħed mit-tliet żeffiena Taljani li fl-aħħar jiem tilfu ħajjithom f’inċident fid-deżert fl-Arabja Sawdija. Iż-żgħażagħ, li kienu wċuħ magħrufa fiż-żfin Taljan, mietu wara li allegatament inqalbu bil-vetturi waqt li kienu qed iżuru d-deżert ta’ Riyadh, fil-kapitali Sawdita.