Lokali
Kien iferraħ lill-kollegi tiegħu speċjalment fi żmien il-gwerra meta l-moral tal-ħaddiema kien ikun baxx

Bħal dan iż-żmien mitt sena, f’Malta twieled wieħed mill-aqwa kummidjanti Maltin ta’ kull żmien.

Imwieled l-Isla u mrobbi Bormla, Charles Clews hu kkunsidrat re tal-komiċità Maltija speċjalment għall-umoriżmu nadif tiegħu fil-ġurnali, ix-xandir u l-palk.

Kiseb fama nazzjonali bil-programm fuq ir-redifussion ‘Radju Muskettieri’ u bil-kumpanija teatrali ‘Stage Commandos’. F’dawn il-jiem, il-wirt umoristiku li ħalla se jerġa’ jiġġedded.

Xtaq isir Perit iżda l-esiġenzi tal-familja wassluh biex jitlaq mill-iskola u fl-1935 jibda jaħdem it-Tarzna fejn fil-ħin tal-break – fuq żewġ kaxxi u fallakka – Charles Clews beda jferraħ lill-kollegi tiegħu speċjalment fi żmien il-gwerra meta l-moral tal-ħaddiema kien ikun baxx ħafna minħabba l-għaks u l-attakki kontinwi.

Minn garaxx f’Marsascala li ibnu Alan Clews bidel f’mużew żgħir għall-memorja ta’ missieru qalilna li flimkien ma’ Armando Urso u Johnny Catania ħolqu rivoluzzjoni fil-qasam tal-umoriżmu nadif.

“Minn din is-sempliċità kollha dawn iktar ingħaqdu u għamlu l-ewwel show fid-dockyard stess billi hangar irranġawh palk u għamlu show fi żmien il-Milied, imbagħad minn hemm twieldu l-istage commandos”.

It-tliet kummidjanti tant bdew jagħmlu suċċess li malajr ġew mistiedna jipproduċu u jippreżentaw programm kuljum fuq ir-redifussion imsejjaħ ‘Radju Muskettieri’.

Dan il-programm ma kienx l-uniku ħaġa li Charles Clews għamel għall-ewwel darba f’Malta.

“Missieri ħareġ bl-istand-up comedy jiġfieri hu biss pereżempju, Johnny Navarro u Johnny Catania joħorġu lebsin puliti quddiem in-nies bil-makkjetti, ċajt u daqshekk”.

L-istage commandos tant kienu popolari li ma kienx hemm teatru wieħed f’Malta li ma ġewx mistiedna fih.

Charles Clews innifsu kien parti mix-xandira inawgurali fuq Television Malta fid-29 ta’ Settembru 1962.

Fis-snin sebgħin ħoloq l-avventuri radjufoniċi msejħa “Fredu Frendo Sghendo” maħdumin minn Johnny Navarro u għal kważi ħamsin sena kien kontributur regolari fil-ġurnali u r-rivisti b’paġni umoristiċi fit-Torċa. Fl-1996, ħidmietu ġiet apprezzata bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

F’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Charles Clews ittellgħet wirja f’Bormla fejn għex għal ħafna snin waqt li bejn is-27 u d-29 ta’ Settembru kull filgħaxija fil-Kavallier ta’ San Ġwann il-Belt se jittella’ spettaklu li se jġedded bosta memorji tax-xogħlijiet li Clews kien u għadu magħruf għalihom fosthom ‘it-tieġ ta’ Karmen Abdilla’. Anke se jiġi ppubblikat ktieb li Charles kiteb iżda ma laħaqx ippubblika.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Dalgħodu Yorgen Fenech reġa’ deher fil-Qorti biex tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni kontrih fil-każ tal-qtil ta’ Daphen Varuana Galizia. Is-seduta tal-kumpilazzjoni qed issir għall-ewwel minn meta ġiet posposta minħabba l-Covid-19. Il-każ instema’…

COVID-19

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) sfidat lill-Prim Ministru sabiex jippublika l-istrateġija li biha qed jillaxka r-restrizzjonijiet li ttieħdu mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika minħabba l-imxija tal-Covid-19. Fi stqarrija l-MUMN qalet li qed…

Safar

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-lukandi u r-ristoranti (MHRA) laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li jiftaħ mill-ġdid l-ajruport għalkemm tibqa’ żżomm mal-pożizzjoni tagħha li kien ikun aħjar għas-settur turistiku li kieku l-ajruport jiftaħ fil-15 ta’…

COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikun iddixiplinat u jsegwi l-pariri tal-esperti mediċi biss. Fi stqarrrija l-MAM esprimiet tħassib dwar il-proposti tal-Prim Ministru li qalet huma mingħajr bażi…

Aktar