Lokali
‘Kien jgħidli kemm għandu memorji sbieħ ta’ Malta u mhu se jinsa qatt iż-żmien li qatta’ f’pajjiżna’

Id-Duka ta’ Edinburgh, il-Prinċep Philip miet fl-età ta’ 99 sena. Il-mewt tiegħu tħabbret uffiċjalment minn Buckingham Palace li qal li d-Duka miet f’Windsor Castle, fejn kien ilu joqgħod mis-16 ta’ Marzu li għadda wara li qatta’ xahar l-isptar.

Huwa ilu 74 sena miżżewweġ lir-Reġina Eliżabetta t-Tieni tal-Ingilterra, tieġ li sar ħames snin qabel Eliżabetta saret reġina. Id-Duka twieled fuq il-gżira Griega ta’ Corfu fl-10 ta’ Ġunju 1921. Għal xi żmien kien jgħix Malta ma’ martu f’Villa Guardamangia.

”Dar-ritratt ma fih xejn speċjali… għaliex għandi r-reġina – prinċipessa u prinċep philip bilqiegħda u princep Philip qed jagħmel sinjal hekk b’idejh, żewġt iswaba’, u meta bgħattnieh barra bidlulna l-caption tiegħu. Għamlu caption mhux kif għednilhom aħna u bdew jgħidu li peress li Prince Philip qiegħed b’żewġt iswaba’ hekk, qed jgħidu li r-reġina qed tistenna t-tieni wld tagħha minn Malta.”

Dawn kienu l-memorji li l-fotografu Frank Attard kien qasam ma’ TVM ftit tas-snin ilu dwar wieħed mill-mijiet ta’ ritratti li ħa f’karriera ta’ ħamsin sena tar-Reġina Eliżabetta t-tieni u żewġha l-Prinċep Philip.

Dan ir-ritratt ittieħed f’Villa Guardamangia, fejn ir-Reġina Eliżabetta t-tieni u l-Prinċep Philip kienu jgħixu bejn l-1949 u l-1951, meta l-Prinċep kien stazzjonat f’Malta bħala ufiċċjal mal-flotta rjali. Ir-Reġina u l-Prinċep kemm-il darba qalu li dak kien wieħed mill-isbaħ żmien ta’ ħajjithom qabel il-kurunazzjoni tar-Reġina fl-1953.

”Qabel kollox għax hawn kellhom l-opportunità li jgħixu l-ħajja privata, personali tagħhom.”

Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, Joseph Cole, qal li kull meta ltaqa’ mal-Prinċep Philip, ta’ spiss kien jitkellem dwar il-memorji tal-koppja rjali f’Malta.

”B’dik it-tbissima tipika tiegħu, dejjem kien jgħidli kemm għandu memorji sbieħ ta’ Malta u mhu se jinsa’ qatt iż-żmien li qatta’ f’pajjiżna.”

Mhux l-ewwel darba li l-Prinċep Philip irrakkontalu xi aneddotu.

”Proprjament mhux fuqu imma fuq il-mara tiegħu. Kien qalli meta kont ngħix Malta kont inkun qiegħed on the high seas nagħmel ix-xogħol tiegħi kont b’xi mod nipprova naqbad magħha u ma nsibhiex id-dar u meta kont imur lura kont ngħidilha isma ċempiltlek ma rrispondejtnix. Qalli li qaltli kellha ħabiba tagħha Malta, kienet tilbes il-velu f’rasha biex ħadd ma jagħrafha u kienet tmur il-Phoenicia tieħu t-te mal-ħabiba tagħha.”

Wara li saret reġina, Eliżabetta II u l-Prinċep Philip żaru Malta tal-inqas sitt darbiet. L-aħħar waħda għal-laqgħa taċ-CHOGM fl-2015. Il-prinċep Philip żar Malta waħdu f’diversi okkażjonijiet. Fl-1964, il-Prinċep Philip ippreżenta d-dokumenti kostituzzjonali lill-Prim Ministru George Borg Olivier, fix-xagħra tal-Floriana – meta Malta kisbet l-indipendenza mill-Ingliżi.

Il-Kuratur ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, qal li l-Prinċep Philip kien iżur il-Mużew Marittimu fil-Birgu kull meta kien ikun Malta.

”Kien hu li daħal għalina mal-mużew marittimu ta’ Portsmouth biex il-pulena tal-HMS Hibernia li għamlet żmien twil f’Malta terġa’ tiġi lura Malta. Kien ukoll ta’ donation ta’ arma tal-Forti Sant’Anġlu mill-kollezzjoni personali tiegħu.”

Il-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof kienu fost ħafna li sellmu l-memorja tal-Prinċep Philip li xahrejn oħrajn kien se jagħlaq mitt sena.