Lokali
“Kien jisħaq li t-tfal iridu jitgħallmu jaħsbu, il-matematika u l-lingwa mhux biżżejjed” – il-Professur Dingli

Wara li tħabbret il-mewt tal-Professur Edward de Bono, fl-aħħar 24 siegħa kienu bosta dawk li fakkru l-memorja tiegħu.

Waqt ‘TVAM’, il-Professur Sandra Dingli, li hija waħda mill-membri fundaturi tal-Istitut imsemmi għall-Professur de Bono fl-Università ta’ Malta qalet li t-telfa tal-Professur de Bono hija telfa kbira mhux biss għal Malta imma għad-dinja kollha. Fissret, li marret bosta konferenzi madwar id-dinja u li kull darba kienet tistagħġeb kemm kien magħruf il-Professur de Bono mal-erbat irkejjen tad-dinja.

Il-Professur Dingli ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-Professur de Bono kien jisħaq li fl-edukazzjoni, b’mod speċjali mat-tfal, huwa importanti li dak li jkun jitgħallem il-ħila tal-ħsieb. Fi kliemha, il-Professur de Bono kien jemmen li l-enfasi fuq il-matematika u fuq il-lingwa mhux biżżejjed.

Hija żiedet li fil-fehma tagħha l-Professur de Bono ħa ċertu riskju meta beda fil-qasam tal-ħsieb kreattiv peress li kien għadu suġġett ġdid għalkollox.

Edward de Bono miet fl-għomor ta’ 88 sena. Ismu, kien sinonimu mat-teoriji tal-ħsieb laterali u kien akkademiku magħruf internazzjonalment għal metodi ta’ ħsieb li jwasslu għal ideat innovattivi.