“Kien qed jaqla’ paga tliet darbiet iżjed milli suppost”

L-iskandli u l-korruzzjoni mhix ħaga ta’ żmienna biss. Riċerka fl-arkivji ta’ żmien il-Kavallieri wasslet għas-sejba ta’ dokumentazzjoni dwar serq u korruzzjoni mifruxa fil-provisti tal-qamħ u fil-fran tal-Ordni fi żmien il-Gran Mastru Pinto.

Huwa każ li kieku seħħ illum, il-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir kienu jagħmlu festa dwaru. U juri li n-natura tal-bniedem kienet, għadha u donna tibqa’ l-istess.

Is-sena kienet l-1742. Il-Granmastru kien Pinto.

Fil-Belt u fil-irħula tal-madwar kien ilu jingħad diskors dwar ċirku ta’ nies involuti fit-traffikar tal-qamħ. L-investigazzjonijiet, li bdew b’ċikka, wasslu għall-arrest ta’ 30 ruħ li kienu involuti fit-traffikar ta’ dqiq, qamħ u ħobż mill-fran tal-Ordni. Is-serq kien ilu għaddej aktar minn tliet snin.

“Il-Granmastru Pinto jsir jaf bi żball għas-sempliċi raġuni li kien hemm żewġ ilsiera, waqt li kienu fis-sakra f’dagħdigħa, kixfu lil xulxin u għajru lil xulxin fuq serq ta’ qamħ u minn hemmhekk bdiet issir investigazzjoni u nsibu li dak li kien imexxi l-fran tal-ordni kien qed jaqla’ paga tliet darbiet iżjed milli suppost kien qed jaqla,” spjega Noel Buttigieg li huwa lecturer fl-Università.

Fost dawk misjuba ħatja kien hemm Maltin u skjavi. Is-sentenzi kienu jvarjaw minn qdif fuq ix-xwieni tal-Ordni għal ħajjithom sa tliet snin ħabs. Fil-każ ta’ mara partikolari, Margarita Difes, din tkecciet ‘il barra mis-swar tal-Belt u l-Floriana għal sena sħiħa.

Każ bħal dan juri li fis-seklu tmintax, il-qamħa kienet l-aktar riżorsa importanti għaliex minnha kien isir l-aktar ikel importanti fid-dieta tal-Maltin – il-ħobż. Il-qamħ kien jiġi impurtat minn Sqallija. Il-proċess mill-wasla tal-qamħ fil-port, sat-twassil tiegħu fil-fosos u d-distribuzzjoni fil-fran, sat-tħin, l-għaġna, u s-sajran kien jinvolvi ħafna dejn.

“Jekk inħarsu lejn l-arkivji għandna ħafna dokumentazzjoni li tixhed li kienu jabbużaw. Insemmi per eżempju każ ta’ familja partikolari – CAPS – laqam taċ-ċenaklu. Dawn magħrufin b’mod kontinwnu. Wieħed furnar. Wieħed pulizija aċċattapan, u ieħor burdnar. Dawn b’mod kontinwu kienu magħrufa li jittraffikaw, biex ngħid hekk, il-qamħ,” kompla Noel Buttigieg.

Ir-riċerka ta’ Noel Buttigieg, turi li l-Ordni ta’ San Ġwann kien konxju tal-abbużi fin-negozju tal-qamħ u kien għalhekk li minn żmien għal żmien kienu jiġu riveduti r-regolamenti li jipproteġu anki l-kwalità tal-prodott fis-suq.

 

Aħbarijiet Oħra
Parlament

Il-Maġistrat Charmaine Galea qed tmexxi inkjesta fuq il-każ tal-kumpanija 17 Black. Dan ikkonfermah fil-Parlament il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici meta fil-Parlament wieġeb mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li fid-dawl…

Edukazzjoni

Sena mit-tnedija tal-ewwel politika nazzjonali tat-tfal, tnieda ktejjeb li jispjega din il-politika b’addattament għat-tfal skont l-età tagħhom. L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal qed iqassam din il-pubblikazzjoni lill-istudenti fl-iskejjel kollha ta’ Malta u…

Edukazzjoni

L-istitut tal-edukazzjoni li jħarreġ u jaġġorna l-ħiliet tal-għalliema u l-edukaturi nieda pjattaforma online biex ikattar il-flessibiltà fl-aċċess għat-tagħlim. Il-kap eżekuttiv ta’ l-istitut, Joanne Grima, qalet li dan se jagħmilha iktar…

Kronaka

Il-Pulizija u l-Forzi Armati llejla ssejħu fi Triq Mile End, fil-Ħamrun, fuq suspett li seta’ kien hemm bomba ma’ karozza. Il-Pulizija qalet lil TVM li l-karozza li qanqlet suspett kienet…

Aktar