
F’post fuq Facebook l-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, ikkonferma li fil-kwistjoni tal-Libja li faqqgħet għaxar snin ilu meta hu kien Kap tal-Oppożizzjoni, l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien kienet appoġjat id-deċiżjoni tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi.
Hu qal li “kien wieħed minn dawk il-mumenti fejn il-politika ma kienet tgħodd xejn, u kien jgħodd biss il-pajjiż.”
F’intervista ma’ TVM l-eks Prim Ministru Gonzi qal li dak iż-żmien kien ikkonsulta ma’ Joseph Muscat bħala Kap tal-Oppożizzjoni, fejn Dr Muscat kien qallu li jifhem id-diffikultà tas-sitwazzjoni, u li kien se jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern ta’ dak iż-żmien.
Dr Muscat żied jgħid fuq Facebook li “fortunatament għadda kollox b’wiċċ il-ġid u llum nistgħu noqgħodu niddibattu x’ seta kien aħjar għal Malta, għall-Libja u għall-Mediterran, b’elf espert jitteorizza mill-kumdita’ tas-sufan. Imma d-deċiżjoni f’ħin bħal dak trid tittieħed.”
Żied jgħid li dak iż-żmien kien hemm min jgħidlu li mhuwiex jikkritika biżżejjed lill-Partit Nazzjonalista fuq din il-kwistjoni, iżda hu sostna li attitudni pożittiva hija waħda li tħalli iktar frott fit-tul.
Ara wkoll: