Stejjer Umani
Kienet tħobb is-sajf iżda llum m’għadhiex tista’ tgawdih

Huma ħafna l-Maltin li jkollhom seba’ mitt sena sakemm jasal is-sajf biex igawdu l-baħar u jqattgħu ġranet sħaħ jilagħqu x-xemx.

Sa seba’ snin ilu, Fiona Sammut kienet waħda minnhom . . . sakemm skopriet li għandha l-marda tal-Lupus u saret tibża’ mix-xemx iktar mill-bard ta’ Jannar.

Jekk toħroġ jew toqgħod fix-xemx, ir-riperkussjonijiet fuq saħħet Fiona huma kbar.

Malli ltqajt ma’ Fiona Sammut sibtha midluka bis-sunblock. Iltqajt magħha meta x-xemx kienet waslet biex tinżel. Bi tbissima, qaltli li suppost libset kappell ukoll.

Ix-xemx hi l-ikbar għadu tagħha. Anki meta tbatti x-xemx, xorta trid tindilek bis-sunblock. “Kont inħobbu s-sajf. Li tmur il-baħar jew fejn xi pixxina. Dik xi ħaġa li iva, dik ikolli ngħaddi mingħajrha.”

Fiona jkollha tagħmel dan kollu għax għandha l-marda tal-Lupus. M’hemmx kura għaliha. It-tobba għadhom ma skoprewx x’jikkawża l-Lupus.

”Il-ħin tax-xemx nara li nkun qiegħda ġewwa, għax naf xi ħsara kbira tista’ tagħmel lil ġismi.”

Fiona skopriet b’ċikka li għandha l-Lupus 7 snin ilu meta kellha d-deni. ”Dan id-deni ma setgħux isibu minn fejn kien ġej. Din il-marda kronika kienet affettwatli l-kliewi jiġifieri d-deni kien ġej minn hemmhekk.”

Din kienet sajjetta fil-bnazzi. “Dak iż-żmien tgħid il-aħwa, il-Lupus u jien qed nagħmel id-dottorat. Speċi x’nagħmel?”

Ma kienx faċli għat-tobba biex jiskopru li Fiona għandha l-Lupus għax ma kellhiex sintomi tal-marda. Fost is-sintomi tal-Lupus, raxx fuq il-wiċċ forma ta’ farfett.

Spiss ikollha allerġiji fil-ġilda. Fi kliemha, tibda tħoss bħal qisu għaddej in-nemel.

”F’daqqa waħda jaf ġismek qabad jattakkalek il-kliewi, qalbek, il-ġilda jew il-moħħ sewwa, il-ġogi jiġifieri l-Lupus tista’ tattakka fejn trid.”

Fiona trid tibqa’ tieħu l-mediċini għal għomorha. “Is-serħan tal-moħħ li issa qiegħda sewwa u se nibqa’ sewwa, dejjem qiegħda f’rasek illi jista’ jkun li le, ma nibqax tajba.”

Għalkemm ikollha d-dwejjaq tagħha, Fiona determinata li tgawdi l-ħajja u tgħix ħajjitha. Hi tmexxi d-Dipartiment tal-Istatistika fl-Università.

”Jien nagħżel li niġġildilha l-marda u ma nħallihiex tirbaħli.”

Huwa stmat li f’Malta hawn madwar 100 persuna bil-Lupus, 90 minnhom huma nisa. In-numru jaf hu ferm ikbar għax diffiċli li l-marda tkun identifikata mill-ewwel.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni li titlob lill-Prim Ministru Joseph Muscat jerfa’ r-responsabbiltà politika u jneħħi lil Keith Schembri minn Chief of Staff. Il-Mozzjoni titlob li b’mod urġenti, il-Parlament jiddiskuti l-aħħar…

Qorti

Waqt konferenza stampa dwar proġett għall-aktar effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja, il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq fuq il-bżonn li s-sistema ġudizzjarja tkun relevanti għas-soċjetà tagħna. F’konferenza li mmarkat…

Edukazzjoni

F’konferenza dwar l-litteriżmu fil-midja l-President George Vella appella għal aktar kawtela bil-mod ta’ kif tigi analizzata l-aħbar. Dr Vella sostna li l-kredibilità fil-ġurnaliżmu ma tistax titkejjel minn kemm l-artiklu jkollu…

Qorti

Daniel Appau mill-Ghana ġie ordnat jitkeċċa minn Malta. Dan wara li Appau seraq rota ta’ kunsillier Żebbuġi, reat li tiegħu il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ikkundannatu wkoll għal 13-il xahar ħabs…

Aktar