Edukazzjoni
Kif affettwat lill-edukaturi l-qalba għat-tagħlim online matul il-COVID-19?

Il-pandemija tal-Covid-19 ħarbtet l-proċess edukattiv madwar id-dinja partikolarment meta f’Marzu kellhom jingħalqu l-iskejjel anki f’ Malta. Studju li kien ippubblikat f’ġurnal tal-Università ta’ Malta stħarreġ l-mod kif il-qalba għat-tagħlim online affettwat lill-407 edukaturi Maltin li jaħdmu fost tfal li għandhom bejn il-ħames u s-sittax-il sena. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu ippubblikati wkoll il-konklużjonijiet ta’ studju nazzjonali dwar l-effetti tal-pandemija waqt il-fażijiet kollha tal-proċess edukattiv, u l-impatt fuq l-istudenti fl-iskejjel primarji, sekondarji, u l-istituzzjonijiet post sekondarji u terzjarji.

Ir-riċerka dwar l-esperjenza tal-għalliema waqt il-Covid kienet ippubblikata fil-ġurnal akkademiku tal-Università li jiffoka fuq l-Edukazzjoni, il-Malta Review of Educational Research, bi tmien studji li stħarrġu l-impatt tal-pandemija fuq l-edukazzjoni u t-tagħlim.

Fost il-konklużjonijiet ta’ wieħed mill-istudji, li ffoka fuq l-edukaturi u l-għalliema Maltin, instab li l-esperjenza tal-edukaturi waqt il-qalba lejn l-online learning kienet dipendenti fuq x’teknoloġija kienet aċċessibbli għalihom u l-livell ta’ taħrig li kellhom qabel faqqgħet il-pandemija.

Fatturi oħra li affettwaw il-proċess kienu l-ħiliet diġitali u l-livell ta’ kunfidenza li kellhom mat-teknoloġija, l-età tal-istudenti tagħhom, l-attitudni lejn esperjenza ġdida li kellhom jaġġustaw għaliha malajr; u l-qagħda personali u familjari tagħhom.

Fi studju ieħor, tmien akkademiċi nisa, li huma lkoll speċjalizzati fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija, ippubblikaw il-konklużjonijiet ta’ studju kollaborattiv li analizza l-impatt tal-Covid fuq l-akkademiċi Maltin bi tmien stejjer narrattivi li traċċaw l-isfidi li ffaċċjaw bħala akkademiċi u edukaturi biex fost l-oħrajn ibiddlu l-mod kif iwasslu t-tagħlim lill-istudenti.

Charmaine Bonello, li kienet waħda mit-tliet edituri tal-istudju, qalet li s-solitudni hija sfida għar-riċerkaturi, partikolarment meta jkunu qed iwettqu studji akkademiċi li f’xi waqtiet jieħdu s-snin.

“Il-Covid ġieġħlitna nirrealizzaw li anki jekk inkunu qed naħdmu waħedna għandna t-teknoloġija li nistgħu nużawha biex inkunu nistgħu dejjem niġġeneraw iżjed għarfien b’din l-għodda u nkunu ta’ eżempju wkoll għall-istudenti tagħna għaliex nuruhom li flimkien, b’din il-kollaborazzjoni ta’ flimkien, noħorġu b’iżjed ideat ġodda u innovattivi u għarfien ġdid”.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Arti, Komunitajiet Miftuħa u l-Edukazzjoni tal-Adulti, il-Professur Carmel Borg qal li r-rivista li ilha tiġi ppubblikata għal ħmistax-il sena rriċerkat fost l-oħrajn, l-ispazju barra mill-klassijiet bħala alternattiva għat-tagħlim u l-mod kif żvolġew ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri, tfal, edukaturi u għalliema waqt l-eqqel tal-pandemija.

“Kellna wkoll paper dwar ir-rispons tal-għalliema fil-kuntest tal-pandemija u l-implikazzjonijiet ta’ dawn ir-riżultati għall-politika edukattiva u kien hemm ukoll papers dwar l-assessjar formattiv fil-kuntest tad-dinja virtwali edukattiv.”

Dawn l-istudji jistgħu jinqraw mill-website mreronline.org.