Lokali
Kif biħsiebha l-MFA iżżid il-parteċipazzjoni fil-futbol?

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta s-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti qal li din l-istrateġija hija intiża sabiex tkompli tgħolli l-livell tal-futbol Malti. Fost oħrajn qal li l-MFA għandha ambizzjoni li żżid il-parteċipazzjoni fil-futbol bi 15%.

Is-Segretarju Ġenerali żied jispjega li b’din iż-żieda fil-parteċipazzjoni, se jkun qed jiġi megħjun mhux biss il-futbol, u iżda l-isport kollu, minħabba li fi kliemu “f’dan il-pajjiż hemm bżonn li noħolqu kultura sportiva.” Qal li jekk jirnexxielu pajjiżna joħloq din il-kultura, fejn kulħadd ikun sportiv, ir-riżultati jibdew ġejjin waħidhom.

Dr Chetcuti saħaq li l-faċilitajiet f’Ta’ Qali huma taż-żmien tmenin, se jkunu qed jiġu rinovati u rranġati biex jiġu tal-aqwa kwalità.

Saħaq li l-MFA qed tgħin lil plejers li jaslu anke barra minn xtutna, f’postijiet fejn il-kompetizzjoni hija ferm iktar ħarxa minn pajjiżna. Dwar dan qal li l-fatt li wieħed jirnexxielu jagħmilha barra minn Malta, jkun qed jikkompeti f’livelli għoljin iktar, b’konsegwenza li l-plejer jitjieb b’mod naturali.

Dwar il-korruzzjoni fil-futbol, huwa saħaq li mhux biss irridu nżidu l-livell fil-ground, iżda anke barra. Qal li hemm bżonn standards ferm għola mhux biss għall-plejers, iżda anke għall-uffiċjali u dawk kollha involuti. Saħaq iżda li din trid issir bl-għajnuna ta’ kulħadd, hekk kif l-MFA ma tistax tasal waħidha f’dan l-aspett.