COVID-19
Kif inhi s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta mqabbla ma’ pajjiżi oħra?

Dr Neville Calleja ċċara li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta mhix waħda tajba, iżda sostna li meta titqabbel max-xejriet fl-Ewropa, l-inċidenza f’Malta laħqet ċertu stabbiltà.

Dr Calleja, li huwa Direttur għall-informazzjoni dwar is-saħħa u r-riċerka fil-Ministeru għas-Saħħa u membru tal-Covid-19 response team, qal dan meta kien qed jiġi intervistat dalgħodu fuq TVAM.

Qal li fil-bidu Malta kienet pari passu ma’ pajjiżi oħra, però iktar ma javvanza ż-żmien, Malta rnexxielha żżomm il-livell stabbli, u n-numri ma telgħux bl-istess rata mgħaġġla ta’ pajjiżi oħra, anki jekk il-ġimgħa l-oħra kien hemm xi żidiet.

Huwa tenna li mhux kull pajjiż qed jinvesti fl-ittestjar daqs Malta u li b’miżuri bħall-ilbies tal-maskri kullimkien Malta rnexxielha żżomm in-numri stabbli.

Dwar l-effett tat-temperatura, Dr Calleja qal li fl-eqqel tas-sajf pajjiżi bħal Singapore laħqu quċċata fil-każijiet, u għalhekk ir-rabta bejn l-imxija tal-virus u t-temperatura mhux ċara.

Segwi hawn l-intervista sħiħa ma’ Dr Calleja: