Budget2021
Kif intlaqa’ l-budget 2021?

L-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti kellhom reazzjoni pożitiva għall-miżuri mħabbra mill-Ministru tal-Finanzi għall-baġit tas-sena d-dieħla. F’kummenti ma’ TVM spikka l-iktar is-sodisfazzjon għall-fatt li nstemgħu t-talbiet tagħhom biex jiġu estiżi l-vouchers u s-suppliment tal-pagi, iżda kien hemm min wera tħassib dwar l-inċertezza li tista’ tinħoloq fil-pajjiż sakemm neħilsu mill-pandemija.

Il-miżuri tal-Gvern għas-sena li ġejja jidher li ntlaqgħu tajjeb ferm mill-imsieħba soċjali u l-korpi kostitiwi. Fl-ewwel reazzjonijiet ma’ TVM, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u n-negozji faħħru fost oħrajn il-miżuri soċjali. Fi kliem il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb il-miżuri jorbtu mal-viżjoni futura tal-Kamra.

”Baġit b’saħħtu ħafna fuq livell soċjali. Jagħti spunti mingħajr ħafna dettall. Nieħu pjaċir li qed nitkellmu fuq areas li huma importanti għall-kamra bħal mhi diġitazzazjoni tal-ekonomija u l-ekonomija ħadra.”

L-akbar żewġ unjins f’Malta li kollettivament jirrappreżentaw ‘il fuq minn 80,000 ħaddiem dehru kuntenti bil-miżuri speċjalment l-estensjoni tas-suppliment tal-pagi u l-iskema tal-vawċers fost miżuri oħra. Madanakollu l-UĦM Voice of The Workers mhix sodisfatta biż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-C.O.L.A.

Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali General Workers Union qal ”ħafna mill-proposti ġew aċċettati li kienu msewwsin fuq erba’ punti serħan tal-moħħ, fiduċja, stabbiltà u sigurtà biex dak li jkun ikollu l-fiduċja biex jerġa’ jibda jgħix u jonfoq.”

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal ”f’dan il-baġit rajna affarijiet pożittivi bħal mhuma l-ġurnata tal-leave, tax refund l-vawċers però ovvjament nħossu l-C.O.L.A; 1.75, ma tireflettix dak li qed jgħidulna l-ħaddiema.”

Dwar il-miżuri mmirati għall-Għawdex, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għall-Għawdex, Joe Muscat qal li dawn se jiddiversikaw l-ekonomija Għawdxija.

”Dan il-baġit hemm enfasiżi fuq il-Green Economy u se jkompli fil-missjoni tiegħu bħala gzira ekoloġika f’dana il-kuntest jista’ jiddeversifika l-ekonomija tiegħu ħalli ma nibqgħux niddpendu fuq it-turiżmu.”

Kemm il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti l-MHRA Tony Zahra kif ukoll Matthew Pace mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering urew sodisfazzjon li l-miżuri mħabbra jagħtu nifs lit-turiżmu.

Il-President tal-Kamra tan-Negozji żgħar u Medji Paul Abela minbarra li wera sodisfazzjon li se jibqa’ jingħata s-suppliment tal-pagi li qal għandu jkun estiż sal-aħħar tas-sena u l-iskema tal-vawċers li qal hi issa aktar adegwata. Madanakollu stqarr ma’ TVM li hemm bżonn ta’ investiment kontinwu min-negozji lokali.

”In-negozji jridu jinvesti ovvjament investimenti li se nagħmlu llum se narawh 3 snien oħra u nappella l-banek biex ixxaMmru l-kmiem u jgħinuna.”

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia, stqarr l-baġit fih miżuri pożittivi iżda esprima tħassib dwar kemm se ttawwal il-pandemija u r-rapport tal-Moneyval li skontu jistgħu joqltu lil ekonomija b’mod devastanti. Min-naħa l-oħra, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-IżviluppaturI Sandro Chetcuti laqa b’mod pożittiv il-miżuri tal-Budget u qal minnhom se jgawdi kulħadd. Marco Bonnici f’isem il-Forum Unions Maltin qal li kien budġet li indirizza l-isfidi preżenti u ma tefax piż fuq il-ħaddiema.