Ekonomija u Finanzi
Kif intlaqtu l-finanzi tal-gvern fl-isfond tal-Covid-19?

Il-gvern għalaq l-ewwel nofs tas-sena b’defiċit ta’ €895.6 miljun fil-fond konsolidat, żieda sinifikanti li kważi tlaħħaq is-€740 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rrimarka li dawn iċ-ċifri jridu jittieħdu fil-kuntest tas-sitwazzjoni tal-COVID-19.

Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-ewwel sitt xhur tas-sena juru li d-dħul rikurrenti kien ta’ €1,819-il miljun Ewro li jfisser tnaqqis ta’ €345 miljun jew kważi 16% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. L-NSO spjega li l-akbar tnaqqis kien ġej mit-taxxa tad-dħul. It-tnaqqis kien mifrux minn sorsi oħra bħat-taxxa tal-VAT, is-sigurtà soċjali, liċenzji u multi, u mid-Dwana.

Fl-istess waqt, bejn Jannar u Ġunju kien hemm żieda ta’ 17% fin-nefqa tal-gvern li laħħqet l-€2,715-il miljun. L-ispiża għal mediċini u tagħmir mediku weħidha żdiedet bi kważi €44 miljun. Fl-istess ilma wkoll iż-żieda fi ħlasijiet ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali li €13-il miljun minnhom kienu għal benefiċċji mħallsa minħabba l-COVID. Is-suppliment tal-pagi waħdu, li ngħata mill-gvern bħala għajnuna lill-ħaddiema milquta mill-pandemija, sal-aħħar ta’ Ġunju fisser ħruġ ta’ €154 miljun f’fondi pubbliċi.

L-effett ta’ dan kollu nħass ukoll fuq id-dejn tal-gvern li laħaq is-€6,376 miljun; żieda ta’ kważi €900 miljun fuq l-istess sitt xhur tas-sena l-oħra.