COVID-19
Kif intlaqtu l-persuni b’diżabilità mill-COVID-19?

Il-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt fuq is-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità. Dan joħroġ minn studju li sar mill-Università u li mistenni jiġi ppubblikat fil-jiem li ġejjin, li qed jipproponi li issir konsultazzjoni ma’ persuni b’diżabilità dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-COVID, biex ma jkunux diskriminati jew żvantaġġjati minħabba l-miżuri li qed jidħlu fis-seħħ minħabba l-imxija tal-Coronavirus.

Studju dwar l-impatt tal-COVID fuq persuni b’diżabilità sab li f’dan il-perjodu l-persuni b’diżabilità ffaċjaw numru ta’ sfidi, fosthom fl-edukazzjoni, is-saħħa psikoloġika u r-relazzjonijiet familjari.

Il-Kummissarju għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità’ Oliver Scicluna, qal li l-lockdown parzjali kompla jżid mal-isfidi li ffaċċjaw il-persuni b’diżabilità f’dan il-perjodu.

“Persuni b’diżabilità ta’ nuqqas ta’ intelletwali, dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu, dawk li għandhom nuqqas ta’ saħħa mentali, li dawn qisna konna partial lockdown dak iż-żmien. Minħabba li kienu ristretti il-ħin kollu d-dar, kisru ir-rutina tagħhom, naqqsu l-mumenti li jistgħu jissoċjalizzaw ma’ ħaddieħor kif ukoll impatt psikologiku fuq il-familja.”

Is-sur Scicluna żied jgħid li l-impatt inħass ukoll fl-edukazzjoni tal-persuni b’diżabilità.

“Minħabba l-fatt li l-iskola għalqet f’Marzu u fethet f’Ottubu u hemmhek rajna diversi persuni b’diżabilità dawk il-persuni ma kellhomx assistenza xierqa.”

Fost it-30 rakomandazzjoni li qiegħed jipproponi l-istudju, hemm is-sapport psikoloġiku għall-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom kif ukoll konsultazzjoni ma’ persuni b’diżabilità dwar miżuri ta’ prevenzjoni ġodda.

“Fejn jidħol il-public health naħseb għandu jkun hemm persuna esperta fil-qasam tad-diżabilità biex taċċerta li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu ma jkunux qegħdin jititeħdu ħażin fuq id-dirittijiet ta’ persuna b’diżabilità. Sa issa dik l-azzjoni jidher li ma hemmx għax kieku kien hemm nemmen il-miżuri kieku jkunu izjed in line, u ma kienx ikollna għalfejn niġbdu l-attenzjoni fuq ħafna affarijiet.”

L-istudju, li sar mill-Fakultà għall-Ġid tas-Soċjetà b’kollobarazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, ikkonkluda li hemm bżonn aktar għarfien dwar il-persuna b’diżabilità, biex il-bżonnijiet ta’ din il-minoranza jiġu kkunsidrati meta jittieħdu deċiżjonijiet importanti fis-soċjetà.