Elezzjoni
Kif irreaġixxew il-partiti ż-żgħar għar-riżultat tal-elezzjonijiet tal-PE?

Ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien disfatta għall-biċċa l-kbira tal-partiti ż-żgħar. F’kummenti ma’ TVM il-kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia ħabbar li l-eżekuttiv kollu se jirriżenja biex wara titfassal it-triq ‘il quddiem. Il-Kap tal-moviment Patrijotti Maltin, Henry Battistino rriżenja b’mod immedjat waqt li Imperium Europa ta’ Norman Lowell qal li b’dan ir-riżultat hu t-tielet partit fil-pajjiż.

Ir-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta xi ftit sorpriżi fil-partiti ż-żgħar. Bi ftit aktar minn tmient elef, l-Imperium Europa ta’ Norman Lowell għalkemm ma kiseb l-ebda rappreżentanza spiċċa bħala t-tielet partit f’Malta. Tlabna l-kummenti tas-Sur Lowell iżda qalilna li l-Imperium Europa ser joħroġ stqarrija aktar tard. Fiha sejjaħ lil votanti li vvutaw għalih bħala eroj li sfidaw lill-partiti tradizzjonali u injoraw il-midja li ħadmet kontrih. Qal li b’dan ir-riżultat jawgura li Imperium Europa se jkompli jikber.

Sorpriża u tidher umiljazzjoni personali għall-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia li ġab ħafna inqas voti mill-kandidata Żvediża Camilla Appelgren fi ħdan il-partit tiegħu stess. Dr Farrugia qal li l-eżekuttiv tal-partit kollu se jirriżenja u titqies it-triq ‘il quddiem.

“Inħossni kuntent li mill-aħħar elezzjoni ‘l hawn aħna fil-fatt żidna fin-numru ta’ votanti minkejja d-diffikultajiet li jkollna biex insemmgħu leħinna b’mod partikolari bil-propaganda tal-partiti l-kbar. It-triq hija waħda fejn wara li jitħabbru r-riżultati tal-kunsilli lokali, l-eżekuttiv inkluż jien nirriżenjaw, titwaqqaf steering committee, nanalizzaw ir-riżultat u apparti minn hekk naraw ukoll it-triq ‘il quddiem li l-partit għandu jieħu” qal Godfrey Farrugia.

Iż-żewġ kandidati tal-Alternattiva Demokratika ġabu inqas minn elfejn vot. Iċ-Chairperson Carmel Cacopardo qal li l-Alternattiva maiffukatx ir-riżorsi tagħha fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, imma fuq il-kunsilli lokali.

“Nistennew ir-riżultati tal-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa, u mbagħad immedjatament nibdew id-diskussjonijiet interni li nanalizzaw ir-riżultati, fil-fatt għandi diġà skedati laqgħat mis-Sibt ‘il quddiem biex nagħmlu din l-analiżi. L-analiżi diġà bdiet b’md mhux uffiċjali, però mbagħad matul il-ġimgħat li ġejjin nibdew il-proċess għall-ħatra ta’ tim ġdid ta’ uffiċjali li jsir normalment kull sena imma minħabba li din id-darba ħabtet mal-elezzjoni ipposponejnih biex isir bejn Lulju u Ottubru. It-terminu tiegħi bħala chairman tal-partit jiskadi f’dawn il-ġimgħat u mbagħad sta għalija jekk nerġax nikkontesta, jew jekk jerġgħux jagħżluni” qal Carmel Cacopardo.

Il-Professur Arnold Cassolla li telaq mill-Alternattiva Demokratika u kkontesta għal rasu u kiseb aktar voti miż-żewġ kandidati tal-Alternattiva ma riedx jagħti kumment, iżda fi stqarrija nnota li 100,000 persuna ma vvutatx u għalhekk qed taċċetta li kollox jibqa’ kif inhu. Żied jgħid li l-voti għal Norman Lowell ifissru li r-razziżmu hu ħaj.

Ir-riżultat wassal ukoll għar-riżenja tal-Kap tal-Moviment Patrijotti Maltin Henry Battistino ħa responsabiltà għad-disfatta tal-Moviment wara li ż-żewġ kandidati tiegħu lanqas ġabru elf vot bejniethom. L-Alleanza bidla għadha ma qalet xejn dwar ir-riżultat tagħha.