Unjoni Ewropea
Kif jgħaddu l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea?

Huwa fatt li l-Unjoni Ewropea hija organizzazjoni kumplessa u mhux daqshekk faċli li wieħed jifhem il-proċessi u s-sistemi ta’ kif taħdem. Biss biss, l-Unjoni hija magħmula minn 27 pajjiż, minn 7 istituzzjonijiet u iktar minn 40 aġenżija.

Allura, kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea? Biex nifhmu aħjar, irridu nibdew mit-tliet istituzzjonijiet importanti f’dan il-proċess: il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li huma l-istituzzjonijiet involuti direttament fl-adozzjoni tal-liġijiet li japplikaw fl-Istati Membri.

Normalment il-proċess jibda fil-Kummissjoni Ewropea, li hija l-istituzzjoni eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea. Parti minn din il-ħidma hi li tevalwa, tanalizza u tagħmel monitoraġġ fuq diversi setturi importanti tal-Unjoni Ewropea, bħall-ekonomija, ir-riċerka u l-industrija, u l-ambjent fost ħafna aktar. Jekk mill-istudji joħroġ li liġi ġdida, jew reviżjoni ta’ liġi eżistenti, huma permessi mit-Trattati u jkunu ta’ ġid għall-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tfassal proposta fuq dak is-settur partikolari. Eżempju ċar ta’ dan huma r-regolamenti fuq it-tariffi tar-roaming li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet biex tindirizza l-fatt li l-konsumaturi Ewropej kienu qed iħallsu kontijiet eżaġerati meta jużaw ir-roaming fl-Unjoni Ewropea.

Bħala istituzzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ biss tipproponi liġi, għaliex fl-aħħar mill-aħħar huma l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jiddeċiedu jekk proposta għandhiex issir liġi.

Għaldaqstant il-proposti tal-Kummissjoni għal liġijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jibdew proċess li fih jagħrblu l-proposta biex jaraw jaqblux magħha, jew inkella jirreveduha billi jnaqqsu, jemendaw, jew iżidu klawsoli fiha.
Huwa importanti li nsemmu lil min jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti miċ-ċittadini tal-Istati Membri kull ħames snin.

B’hekk huwa kunsidrat bħala l-istituzzjoni l-iktar demokratika fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jlaqqa’ l-Ministri tal-Istati Membri, skont id-dikasteru tagħhom. Hekk pereżempju, il-Ministru Malti għall-Ambjent ikun qiegħed jirrappreżenta l-interessi tal-Gvern ta’ Malta u taċ-ċittadini tiegħu meta jinnegozja mal-Ministri għall-Ambjent ta’ Stati Membri oħra sabiex jintlaħaq kompromess fuq xi proposta ta’ liġi fil-qasam tal-ambjent.

Tajjeb ngħidu wkoll li kemm il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jiddeċidux weħidhom. Fil-proċess ikunu qed isiru numru kbir ta’ laqgħat kemm fl-Istati Membri u kemm fi Brussell, ma’ esperti, għaqdiet u ċittadini biex dawn jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar aspetti differenti ta’ liġijiet proposti u kif jolqtuhom, tajjeb jew ħażin. Il-MEUSAC tidħol f’dan il-proċess biex tiġbor il-fehmiet tal-imsieħba soċjali u għaqdiet tas-soċjetà ċivili u tgħaddihom lill-gvern qabel jieħu pożizzjoni fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Huwa importanti li wieħed jifhem li dan il-proċess ħafna drabi jirrikjedi xhur u xi drabi snin sakemm ikun hemm qbil biex proposta ssir liġi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan però huwa biss xenarju bażiku ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Jekk trid tkun taf aktar, jew tixtieq informazzjoni dwar xi liġijiet partikolari, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew fuq [email protected] għal aktar informazzjoni.

Dan it-tagħrif kien miġjub lilkom minn:

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qal li mindu bdiet l-investigazzjoni fis-Sezzjoni tat-Traffiku, 34 uffiċjali jinsabu fuq police bail. Minn dawn, 28 huma sospiżi u qegħdin fuq police bail, 6 rtiraw bil-pensjoni u qegħdin…

Lokali

Il-koppja Marvic u Donovan Scerri qed jippjanaw li jmorru Spanja biex jagħmlu l-proċedura tal-IVF f’dan il-pajjiż li jippermetti li jsir test ġenetiku tal-embrijun qabel ikun impjantat fil-ġuf tal-omm biex ikun…

Lokali

Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed tipproponi 20 miżura biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-kontrolli fl-industrija tat-tonn kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art. Il-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura qed issejjaħ għal miżuri ta’ kontroll…

Saħħa

L-għaqda Dinija tas-saħħa wissiet li l-virus jista’ jasal fil-pajjiżi kollha tad-dinja. Is-Supretendent tas-saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li waqt li żidedu l-ammont ta’ swabs li ttieħdu fl-aħħar sigħat ta’ nies…

Aktar