Toroq
Kif jiġi assigurat li t-tabelli fit-toroq huma skont l-istandards mitluba minn TM?

Fil-laboratorju tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u l-Konsumatur, MCCAA jsiru t-testijiet biex ikun assigurat li t-tabelli li hemm fit-toroq Maltin ikunu skont l-istandards mitluba minn Transport Malta li f’dan il-każ hi r-regolatur. Żorna dan il-laboratorju fil-Mosta fejn il-Perit Antoinette Conti spjegat l-importanza ta’ testijiet bħal dawn bil-għan li t-tabelli jwasslu għal iżjed sigurtà fit-toroq.

”Kif tara, meta ssuq is-signage li jkun traffic signs dawk ma jixgħelux b’bozza esterna bħalma jagħmlu eżempju tabelli tal-ħwienet, imma jkun retroreflective. Din tapplika kemm għat-tabelli li jkunu vertical u anke għal linja taż-żebgħa ta’ mal-art. Skont l-ispeed li t-triq tkun tista’ ssuq fiha tkun l-ammont ta’ reflection li t-tabelli jagħmlu. Aħna naċċertaw ruħna li kemm jista’ jkun ikunu reflective biex meta tgħaddi l-vettura bid-dawl tal-vettura mixgħul inti t-tabella tkun tista’ taqraha mingħajr diffikultà.”

Emanuel Darmanin li hu responsabbli minn dan il-laboratorju qal li dawn it-tabelli jiġu testjati b’tagħmir li jindika jekk il-livell li bih jirriflettu huwiex aċċettabbli jew le.

”TM u Infrastructure Malta jġibu t-tabelli hawnhekk biex nittestjaw għar-retroreflectivity. Once li jiġu testjati ngħaddu r-rapport l-Infrastructure Malta jew Transport Malta, huma jaraw humiex skont l-istandards, wara nerġgħu mmorru on site biex nivverifikaw li l-kuntrattur ikun poġġa dak li ġab fil-laboratorju.”

Xogħol ieħor li qed isir minn Transport Malta huwa fil-parkeġġi, li skont il-Perit Conti dawn iridu jirriflettu iżjed il-ħtiġijiet tal-lum.

”L-Awtorità bħalissa għaddejja b’eżerċizzju fejn qegħdin jiġu preparati d-drawings ta’ kull parkeġġ, qed nagħmlu maximisation ta’ vetturi li jistgħu jkunu parkjati f’dawn l-areas, qed nintroduċu base għal blue badge, u qed nintroduċu wkoll numru ta’ base għaċ-charging points, għall-karozzi elettriċi.”

Qed isiru wkoll xogħlijiet f’diversi postijiet minn fejn ikunu jridu jaqsmu n-nies, bil-għan li jkunu iżjed aċċessibbli.

”Innutajna li parti mill-infrastruttura tal-pajjiż fir-rigward ta’ crossings tal-pedestrians hi pjuttost antika allura qed nagħmlu upgrading. L-upgrading minn bdil ta’ arbli, bdil mill-aspects stess fejn ikun hemm bżonn, qed naraw li pelican crossings ikunu jdoqqu ħalli min ma jarax meta jkun qed jaqsam it-triq ikun qed jisma’.”

Il-Perit Antoinette Conti spjegat li kulma jsir fit-toroq Maltin jeħtieġ l-approvazzjoni ta’ Transport Malta.