Lokali
“Il-programm tal-Milied fil-Belt huwa aktar kawt minn kif inftiehem qabel” – Martin Balzan

Il-ġimgħa d-dieħla jibda x-xahar ta’ Diċembru, ix-xahar tal-Milied li miegħu jġib diversi attivitajiet u kummerċ. Madankollu, din is-sena kif se jkun? Żgur li l-COVID-19 se tħalli l-impatt tagħha. F’dan l-isfond id-dibattitu jibqa’ kif se jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.

TVAM dalgħodu ddiskuta dan mal-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan, il-Kap Eżekutiv tal-Malta Chamber of SMEs Abigail Mamo u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali Belt Valletta Jason Micallef.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs Abigail Mamo spjegat li l-Belt Valletta jinsab vojt u li bħalissa hija sitwazzjoni delikata. Spjegat li fi żmien il-festi qed jagħmlu minn kollox biex in-negozju jkun diċenti u għalhekk qed jipprovaw joħolqu interess fil-Belt Valletta li jista’ jkun alternattiva għall-konsumatur f’dan iż-żmien.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali Belt Valletta Jason Micallef spjega li din is-sena b’rispett lejn is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19 mhux se jsiru attivitajiet tal-massa u li l-programm Christmas in the City huwa approvat mis-Supretendent tas-Saħħa u maħsub għaċ-ċirkostanzi preżenti li joħloq bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa. Qal li kollox qed isir skont il-miżuri mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Dwar dan, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija,Martin Balzan qal li kif qed jiġi spjegat issa l-programm jidher li huwa aktar kawt minn kif inftiehem qabel. Madankollu spjega li l-virus mal-ewwel opportunità li jsib jinxtered u għalhekk ħeġġeġ lin-nies biex iżommu mal-ilbies tal-maskra u d-distanza soċjali. Qal li jinkwieta jekk ikun hemm ġabra ta’ nies għax iktar tkun faċli biex jinxtered il-virus. Qal li mill-punt mediku jekk ma tridx li timrad bl-imxija tmur biss fejn hu meħtieġ. Wera l-preokupazzjoni tiegħu li bħalissa qed ikun hawn mal-100 każ ġdid kuljum u jaf ikun hawn problema jekk jimtela’ l-isptar.

Tista’ ssegwi l-intervista sħiħa minn hawn:

TVAM jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7am u d-9am bi preżentazzjoni ta’ Mario Xuereb u Amanda Spiter Grech.