Immigrazzjoni
Kif jista’ pajjiż li jitfa’ persuna l-ħabs u jittorturaha għax xejret bandiera bil-qawsalla ikun ikkunsidrat sigur?

Attivisti mill-moviment għad-drittjiet tal-persuni LGTBIQ u mill-moviment Graffiti lbieraħ inġabru quddiem l-Ambaxxata Eġizzjana biex infakkru l-ħajja ta’ Sara Hegazy li mietet sitt ijiem ilu fl-età ta’ 30 sena.

Fit-22 ta’ Settembru 2017, Sara Hegazi attendiet kunċert fil-Kajr fl-Eġittu ta’ Mashrou’ Leila li l-kantant ewlieni tagħhom, Hamed Sinno huwa apertament omosesswali. Hija ġiet arrestata flimkien ma’ grupp ta’ nies oħra għax xejret bandiera bil-kuluri tal-qawsalla bħala appoġġ għad-drittijiet tal-LGBTIQ.

L-arrest tagħha seħħ meta l-awtoritajiet Eġizzjani ddikjaraw toleranza żero għall-appoġġ pubbliku għad-drittijiet tal-LGBTIQ.

Meta kienet il-ħabs kienet ittorturata, abbużata u msawta minn ħabsin oħra għal tliet xhur. Wara talbet ażil u kienet qed tgħix il-Kanada filwaqt li kienet qed issofri minn PTSD minħabba l-esperjenza negattiva li kellha fil-ħabs fl-Eġittu.  Hija mietet fit-13 ta’ Ġunju li għadda.

Fi stqarrija l-moviment għad-drittjiet tal-persuni LGTBIQ u l-moviment Graffiti qalu li l-mewt ta’ Sara mhux każ iżolat. Fl-2016, 49 persuna LGBTIQ inqatlu fl-Istati Uniti.

Fi Frar ta’ din is-sena, il-Polonja, immexxija minn Gvern Lemini, ħolqot żoni ħielsa minn persuni LGBTIQ. In-Niġerja, flimkien ma’ xi 70 pajjiż ieħor, għadhom jikkunsidraw l-omosesswalità bħala att gravi u illegali u f’ċerti pajjizi anki jingħataw il-piena tal-mewt.

Ċerti persuni jagħżlu li jaħarbu biex ikollhom futur f’pajjiż sigur imma din l-għażla ħafna drabi jkollha diversi ostakli. L-ewwel ostaklu huwa l-fatt li impossibbli tasal l-Ewropa permezz ta’ mod sigur, u allura jkollhom jieħdu r-rotta irregolari lejn l-Ewropa.

Qalu li meta refuġjati LGBTIQ+ jaslu Malta, iridu joqogħdu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u mbagħad f’ċentru miftuħ – proċess li qalu jixrob il-ftit enerġija li dawn l-individwi jkun baqagħlhom wara li jkunu diġà għaddew minn trawma severa.

Problema oħra, jkomplu jgħidu fl-istqarrija, hija l-kategorizzazzjoni ta’ pajjiżi minn fejn joriġinaw l-immigranti. Qalu li Malta rratifikat l-Att dwar ir-Refuġjati f’Mejju tal-2020, fejn l-Eġittu ġie klassifikat bħala pajjiż sigur u staqsew kif jista’ pajjiż li jitfa’ persuna l-ħabs u jittorturaha għal tliet xhur għax xejret bandiera bil-qawsalla, ikun ikkunsidrat bħala sigur?

Temmew l-istqarrija tagħhom billi esprimew it-tama li kieku Sara ġiet Malta, kienet issib proċedura li kienet tgħinha minflok li teqred il-ftit enerġija li kien fadlilha biex tgħix.