Unjoni Ewropea
Kif l-Ewropa se tirkupra saħħitha?

L-aħħar ftit ġimgħat qalbu d-dinja tagħna ta’ taħt fuq. Qishom għaddew sekli sħaħ minn meta konna qegħdin ngħixu l-ħajja normali ta’ kuljum. Madankollu, sa issa, uħud minnkom li qegħdin taqraw dan diġà kellkom sintomi, ħafna minnkom tafu ’l xi ħadd li jinsab marid, u kull waħda u wieħed minna ninsabu inkwetati fuq il-maħbubin tagħna.

Iżda jekk hemm xi ħaġa unika dwar is-sitwazzjoni li ninsabu fiha, hija li aħna lkoll parti missoluzzjoni: aħna lkoll, bħala ċittadini, iżda wkoll bħala kumpaniji, bliet, reġjuni, nazzjonijiet, id-dinja kollha. Iva, huwa minnu li l-Ewropa, fil-bidu, sa ċertu punt sfat attakkata minn għadu mhux magħruf, u minn kriżi ta’ skala u ta’ veloċità li qatt ma rajna bħalhom qabel. Dak il-bidu fuq sieq ħażina għadu qed iweġġagħna sal-lum.

Iżda l-Ewropa issa qiegħda tqum, magħquda, bis-saħħa ta’ mewġa kbira ta’ kumpassjoni madwar l-Unjoni tagħna. Fl-aħħar ġimgħat, rajna lil tobba u infermiera rtirati jwieġbu s-sejħa tad-dmir, u lil miljuni ta’ voluntiera oħra jgħinu kif jistgħu. Rajna lir-ristoranti jikkonsenjaw l-ikel lill-persunal mediku eżawrit, rajna lid-ditti tal-moda jiffabrikaw ġagagi tal-isptar, u rajna lillmanifatturi tal-karozzi jaqilbu għall-produzzjoni tal-ventilaturi.

Din is-solidarjetà hija kontaġjuża — u hija fil-qalba tal-Unjoni tagħna. U bis-saħħa ta’ din lispinta, l-Ewropa ta’ vera reġgħet magħna. Dik l-Ewropa li taħdem għalenija biex tagħmel dak li ħadd minna ma jista’ jagħmel waħdu. L-Ewropa issa qiegħda tagħti r-riżultati, u qiegħda tagħmel l-almu tagħha kuljum biex issalva kull ħajja li tista’, biex tipproteġi l-għajxien tan-nies, u biex terġa’ tistartja l-ekonomiji tagħna.

Fl-aħħar ġimgħat, ħadna miżuri li sa ftit ilu qatt ma konna ħlomna bihom. Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għamilniehom iktar flessibbli minn qatt qabel, sabiex in-negozji, kbar jew żgħar, jirċievu l-appoġġ li għandhom bżonn. Ir-regoli baġitarji tagħna għamilniehom inqas stretti minn qatt qabel, sabiex l-għajnuna finanzjarja nazzjonali u tal-UE tkun tista’ tasal malajr għand min għandu bżonnha. Dan għen biex l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jilliberaw €2.8 triljun biex tiġi miġġielda l-kriżi – l-aktar rispons qawwi fid-dinja kollha.

U din il-ġimgħa li ġejja, l-Unjoni Ewropea se tieħu pass ieħor ’il quddiem. Ipproponejna skema ġdida msejħa SURE, biex tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jżommu l-impjiegi u d-dħul tagħhom, u biex tgħin lin-negozji jibqgħu f’wiċċ l-ilma waqt din l-ibernazzjoni. L-iskema se tipprovdi €100 biljun biex tgħin lill-gvernijiet jagħmlu tajjeb għad-differenza jekk il-kumpanija li taħdem għaliha kellha tnaqqas is-sigħat tiegħek – u l-iskema tista’ tgħin ukoll lil min jaħdem għal rasu.

B’hekk ikun hemm għajnuna għal min għandu bżonnha biex iħallas il-kera, il-kontijiet jew għallikel, filwaqt li n-negozji jibqgħu ħajjin. U biex nintensifikaw l-isforzi tagħna biex insalvaw il-ħajjiet, iddeċidejna wkoll li npoġġu kull ċenteżmu mill-flus li fadal fil-baġit ta’ din is-sena. Dan l-istrument ta’ emerġenza se jgħinna niksbu tagħmir mediku essenzjali u nintensifikaw l-ittestjar.

Dan jirrifletti l-fatt li f’din il-kriżi ma jistax ikun hemm miżuri nofs leħja. U dan ser ikun il-każ għas-snin li ġejjin, aħna u nfittxu li ntellgħu l-ekonomija tagħna minn ġol-abbiss tal-kriżi. Għal dan il-għan, se jkollna bżonn investiment massiv fil-forma ta’ Pjan Marshall għall-Ewropa. U filqalba ta’ dan għandu jkun hemm baġit ġdid b’saħħtu tal-UE. Il-vantaġġi huma ovvji: il-baġit talUE huwa strument ta’ solidarjetà u modernizzazzjoni .B’mandat ta’ seba’ snin, il-Pjan joħloq ċertezza għall-investituri u affidabbiltà għall-partijiet kollha involuti.

Iżda hekk kif id-dinja tidher differenti ħafna minn kif kienet biss ftit tal-ġimgħat ilu, il-baġit tagħna jrid ikun differenti ħafna wkoll. Dan huwa ż-żmien kruċjali li fih l-ekonomiji mdgħajfa mill-kriżi attwali jkunu jridu jistartjaw il-magni tagħhom sabiex is-suq intern uniku tagħna jerġa’ jaqbad ritmu tajjeb.

Il-biljuni u t-triljuni li qegħdin jintefqu llum biex jiġi evitat diżastru ikbar huma investiment filprotezzjoni futura tagħna, u se jorbtu lil ġenerazzjonijiet sħaħ. Din hija r-raġuni għaliex il-flus fil-baġit li jmiss tagħna jridu jiġu investiti b’mod intelliġenti u sostenibbli. Għandhom jgħinu biex nippreżervaw dak li ngħożżu, u biex inġeddu s-sens ta’ appartenenza fost in-nazzjonijiet tal-Ewropa.

U b’mod kruċjali, irridu nonfqu b’mod li jinvesti fil-ġejjieni tagħna, ngħidu aħna għar-riċerka innovattiva, għall-infrastruttura diġitali, għall-enerġija nadifa, għal ekonomija ċirkolari intelliġenti, għas-sistemi tat-trasport tal-futur. Pjan Marshall ta’ din in-natura jgħin biex tinbena Ewropa aktar moderna, sostenibbli u reżiljenti. Din hija l-Unjoni li nemmen li tista’ tfiġġ minn dan kollu – preċiżament kif feġġet wara kull kriżi fl-istorja tagħna.

U dan l-isforz enormi, jiġifieri din l-Ewropa l-ġdida, se jkollha bżonn ħaġa waħda aktar minn kollox: il-poplu tal-Ewropa jrid ikun jixtieq futur komuni, li fih naqbżu għal xulxin. Dak li qed nara madwar l-Ewropa llum juri t-triq u jimlieni bi kburija. Il-futur tal-Ewropa huwa dak tat-tobba Pollakki li qegħdin imorru l-Italja. Huwa dak taċ-Ċeki li qegħdin jibagħtu 10,000 maskra fi Spanja u bnadi oħra. Huwa dak tal-ajruplani li qegħdin jittrasportaw lil persuni morda mill-Italja ta’ Fuq lejn il-Ġermanja tal-Lvant, jew it-treni li qegħdin iġorru lin-nies minn naħa għal oħra tal-fruntieri biex jiġu ttrattati f’sodod ta’ kura intensiva b’xejn. Huwa dak tal-Bulgari li qegħdin jibagħtu tagħmir protettiv lill-Awstrijaċi, u tal-Awstrijaċi li qegħdin jibagħtu l-maskri lejn l-Italja. Huwa dak tal-ewwel ħażna Ewropea ta’ tagħmir mediku, jew ir-respiraturi u l-kittijiet għall-ittestjar mixtrija flimkien minn kważi kull pajjiż, mir-Rumanija sal-Portugall, biex jintbagħtu lil Spanja, l-Italja u bnadi oħra. Il-qawwa u s-solidarjetà ta’ din l-Unjoni ħassewhom ukoll eluf ta’ Ewropej li kienu maqbuda barra minn pajjiżhom fil-Vjetnam, fl-Afrika t’Isfel jew fl-Arġentina, u li ttieħdu lura d-dar bl-ajruplan b’biljett Ewropew.

Bis-saħħa ta’ kull wieħed minn dawn l-atti ta’ solidarjetà, l-Ewropa terġa’ tqum bil-mod il-mod fuq tagħha. U ma għandi ebda dubju li, mingħajr wisq dewmien, l-Ewropa terġa’ tkun fuq saqajha. Flimkien.

Tagħrif miġbur minn:

IrRappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta