COVID-19
Kif qed taddatta ruħha l-Knisja waqt l-imxija tal-COVID-19?

Minbarra l-pressjonijet kbar finanzjarji tal-Knisja li huma mbassra li se jħallu impatt fuq il-ħidma pastorali u l-oqsma soċjali matul din is-sena, il-parroċċi reġgħu qed jinfurzaw miżuri stretti biex jipproteġu lill-kongregazzjoni mill-imxija tal-Covid. Krew ta’ TVM dalgħodu mar Ħal Qormi biex jistħarreġ kif il-Parroċċa qed tosserva l-miżuri b’rabta mal-pandemija u fl-istess ħin qed twettaq il-missjoni pastorali tagħha mal-kongregazzjoni Qormija.

Bir-restrizzjonijiet li ġab miegħu l-coronavirus f’Malta il-knejjes raw tnaqqis drastiku ta’ parruċċani f’dawn il-5 xhur. Konxja li l-imxija tal-virus għadha magħna, fid-dawl taż-żieda fil-każi fl-aħħar jiem, il-Kurja reġgħat enfasizzat li kull min jattendi l-quddies għandu jilbes il-maskra jew visor u jżomm id-distanza soċjali.

F’ġurnata fejn normalment il-Knisja kienet tkun miżgħuda bin-nies qabel il-Covid, is-sagristan tal-parroċċa ta’ San Bastjan, Renald Fenech, spjega li l-kongregazzjoni naqset sostanzjalment filwaqt li reġgħu żdiedu l-miżuri tas-sigurtà  fil-Knisja.

“Erġajna ħadna miżuri iktar stretti bħalma kienu fil-bidu, nagħmlu tad-deni fil-bieb u s-sanitizers, inżommu d-distanza u l-ammont ta’ nies li qed jidħlu. Aħna waqajna għal 150 minn 850 nies bilqegħda. L-istess rigward qrar, utilizzajna l-kappella tas-sagrament bi screen protettiv bejn is-saċerdot u l-penitent biex ikun hemm id-distanza.”

Il-parruċċani li tkellimna magħhom kollha qablu li jħossuhom siguri jattendu l-Knisja u wkoll li jħossu l-bżonn li minkejja l-pandemija jżuru d-dar ta’ Alla.

Tkellimna mal-Arċipriet ta’ San Bastjan, Dun Ewkarist Zammit, li qal li l-Knisja qed tara li timxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa bl-għan li kull min jattendi jħossu f’ambjent sigur. Staqsejna lil Dun Ewkarist b’liema mod qed jiġu iċċelebrati s-sagramenti, fosthom il-magħmudija, il-griżma, u t-tieġijiet.

“Baqgħu għaddejjin fuq bażi bħas-soltu. Però dejjem hemm restrizzjonijiet u prekawzjonijet li qegħdin nieħdu filwaqt li tirrispetta wkoll mhux biss id-dinjità tas-sagrament, imma wkoll l-okkażjoni, jiġifieri tkun prattiku u fl-istess ħin iżżomm il-miżuri li hemm bżonn ħalli kollox isir f’ambjent tajjeb.”

Għalkemm il-Knejjes reġgħu fetħu u qed jieħdu l-prekawzjonijiet, mhux l-istess jista’ jingħad għall-festi. Dan hekk kif il-Covid ħarbtet il-pjani tad-dilettanti tant li flok iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali bosta sabu mod ġdid kif xorta jfakkru l-festa tal-qaddis patrun tagħhom.

Intant, f’dawn il-jiem fejn is-soltu t-toroq tal-Ħamrun ikunu mimlija nies għall-festa ta’ San Gejtanu, il-baned Ħamruniżi għażlu li jikkontribwixxu parti mill-flus li kienu se jonfqu fil-festa, lid-Dar tal-Providenza. L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu u s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp, bi qbil, għażlu li jikkontribwixxu parti ugwali mill-flus li s-soltu jonfqu fil-festa lid-Dar tal-Providenza.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar