Budget
Kif se jiġu affettwati l-pensjonijiet fil-Budget?

Il-grupp Parlamentari Laburista ngħataw l-ewwel ħjiel tal-Budget f’laqgħa li saret is-Sibt filgħodu f’Kastilja. Għalkemm id-dettalji tal-Budget għadhom mhux magħruf, l-indikazzjonijiet li ngħataw s’issa il-Budget ser iżid il-pensjonijiet filwaqt li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja qed ikun rappurtat li ser ikun ta’ €2.33 fil-ġimgħa.

Fil-Ministeru tal-Finanzi komplew l-aħħar irtokki għall-budget li ser ikun ippreżentat it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament. Għalkemm il-miżuri tal-Budget ma jkunux magħrufa qabel mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jaqra d-diskors tal-Budget, huwa diġà indika t-temi ewlenin li fuqhom ser jiffoka l-Budget imnebaħ mid-dokument ta’ qabel il-Budget.

Il-Ministru Edward Scicluna qal “il-budget għas-sena d-dieħla fl-2019, il-Gvern se jkompli jibni fuq is-suċċessi tal-aħħar snin f’dak li huwa tkabbir ekonomiku qawwi, rata baxxa ta’ qagħad kif ukoll finanzi tal-Gvern li jipproduċu surplus. Permezz tal-Budget ser jkollna miżuri li jkollhom impatt fuq dik li hija kwalità tal-ħajja.”

Hemm stennija li dal-budget ser jkun qed jindirizza fost oħrajn il-problema tal-housing soċjali u mistenni tibdil fis-sussidju li l-Gvern jagħti fuq il-kirjiet privati li persuni intitolati għal din l-għajnuna flimkien ma’ żieda fil-pensjoni minbarra ż-żieda għal għoli tal-ħajja. Qasam ieħor li mistenni jkun trattat fil-Budget hija l-infrastrutura tat-trasport u proġett fil-qasam tas-saħħa u mhux inqas il-kwistjoni tal-iskart bħala parti mill-istrateġija tal-ambjent.

Il-proposti għall-Budget li fl-aħħar jiem saru minn bosta għaqdiet mill-union sa min iħaddem u mis-setturi varji tas-soċjetà ċivili, juru li l-aspettivi huma bosta, iżda bħal f’kull budget ieħor, qajla jistgħu jintlaqgħu kollha anke jekk il-Professur Scicluna stqarr li l-Gvern jagħti każ is-suġġerrimenti li jkunu sarulu.

Il-Ministru Scicluna qal “il-gvern jikkonsulta ta’ veru mhux biss mal-MCESD, mal-employers, mal-unions… u dawn iwasslu biex is-suggerimenti tan-nies jiġu riflessi fil-Budget”.

Sakemm il-bagalja tal-Budget tibqa’ magħluqa, tibqa’ l-istennija għad-dettalji tal-miżuri li jitħabbru fis-seduta tal-Parlament it-Tnejn filgħaxija.

TVM, Radju Malta 2 u TVM.com.mt ħejja servizzi specjali ta’ analiżi kemm qabel jibda id-diskors tal-Budget kif ukoll wara d-diskors. Ix-xandiriet jibdew fil-5pm.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Fi tmiem laqgħa li damet għaddejja aktar minn ħames siegħat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal lill-ġurnalisti barra id-Dar Ċentrali li l-laqgħa tal-grupp parlamentari kienet waħda kostruttiva u li fiha…

Kronaka

Tilef ħajtu fl-Isptar Mater Dei, il-ħaddiem żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Mali, li l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra waqa’ għoli ta’ madwar 4 sulari fil-bini tal-iskola l-ġdida tal-Qawra. L-inċident seħħ meta nqasmet tavluna…

Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia deher dieħel id-Dar Ċentrali għal-laqgħa kruċjali tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Huwa kien milqugħ minn xi partitarji Nazzjonalisti. Mistoqsi minn TVM, Adrian Delia qal li mhux se…

Aktar