Lokali
Kif se tibqa’ tinżamm nadifa u taħdem tajjeb il-Funtana tat-Tritoni?

Il-kumpanija COGE Impianti ġiet inkarigata mill-manutenzjoni u l-operat tal-Funtana tat-Tritoni.

Dan wara li llum ġie ffirmat kuntratt bejn din il-kumpanija u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Christopher Cutajar għaż-żamma tal-funtana li għadha kif ġiet irrestawrata.

Il-kuntratt ta’ €265,000 fuq perjodu ta’ sentejn jobbliga lill-kuntrattur jopera l-funtana u jwettaq ix-xogħlijiet u l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn sabiex din l-attrazzjoni fid-daħla tal-Belt tibqa’ nadifa u topera bl-aħjar mod possibbli.

Ir-restawr tal-funtana, li kien immexxi mill-istess Ministeru, sar fi 300 ġurnata, wara li dan il-monument kien sfortunatament intelaq għal għexieren ta’ snin.

Minbarra restawr fuq id-dehra tal-figuri, sar ukoll xogħol ta’ struttura sabiex it-Tritoni jkunu jifilħu l-plattin. Il-proġett kien jinkludi wkoll it-tindif u r-restawr tat-travertin, filwaqt li ġew miżjuda dwal, sistemi ta’ pompi tal-ilma ġodda u sistema li tiffiltra u titratta l-ilma.

Il-Ministeru ra li x-xogħol li sar sforz ta’ dan l-investiment għandu jkun preservat bl-aħjar mod, u jinsab sodisfatt li ntlaħaq dan il-ftehim li se jkun qiegħed jipproteġi lil dan il-monument li qed iservi ta’ attrazzjoni prinċipali fl-antiporta tal-Belt Kapitali.