Waqt il-Kafé
Kif spiċċat marbuta mad-deni, il-ħsara u l-maltemp Santa Barbara?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-imgħoddi, il-ħajja tal-antenati tagħna kienet influwenzata ħafna aktar mil-lum mill-qaddisin u r-reliġjon. Jekk jitilfu xi ħaġa kienu jitolbu lil Sant’Antnin, min jixtieq ix-xita f’Awwissu jitlob lil San Bert u min jibża’ mill-maltemp jitlob lil Santa Barbara.

Hekk kif jibda jberraq u jkarwat ir-ragħad kienu jindaqqu l-qniepen tal-knejjes. Jingħad li dan kien isir biex ikeċċu l-ispirti ħżiena, imma naħseb aktar kien iservi biex il-parruċċani jibqgħu għall-kenn ta’ darhom. Meta jiġri hekk, kulħadd kien ilissen talba qasira “Santa Barbara la deni u lanqas ħsara,” biex il-maltemp ma jagħmilx danni.

Imma din Santa Barbara kif spiċċat marbuta mad-deni, ħsara u maltemp? Barbara kienet tgħix fit-tielet seklu f’Heliopoli, fil-Libanu ta’ llum, bint Dioskoru li kien raġel sinjur. Kienet mara sabiħa u eżemplari. Missierha kien qafilha f’torri biex jipproteġiha mill-ħafna rġiel li xtaquha u biex ma jħallihiex issir Nisranija.

Iżda Nisranija saret u missierha tant irrabja li ħadha għand il-Prefett tal-Provinċja li ddeċieda li għandha tħallas bil-qtugħ ir-ras. Jingħad li kien missierha stess li qatgħalha rasha. Jekk Barbara kienet mara eżemplari, żgur li missierha ma kienx il-ġenitur ideali.

Il-leġġenda tkompli li wara li qatel lil-bintu, hu u sejjer lura d-dar, Dioskoru laqtitu sajjetta u miet hu wkoll. Kieku llum ngħidu li kienet karma. Ma setax jgħid “Santa Barbara la deni u lanqas ħsara” għax bintu kienet għadha ma saritx qaddisa.

Ma nafx hix kumbinazzjoni, imma l-uniċi żewġ knejjes li naf iddedikati lil Santa Barbara f’pajjiżna jinsabu fil-Belt Valletta u fil-kapitali Għawdxija. Fil-Belt tinsab fi Triq ir-Repubblika bi statwa tal-qaddisa lewn id-deheb mal-faċċata, u fir-Rabat Għawdex hemm kappella fiċ-Ċittadella.

Illum ma naħsibx li għad fadal wisq min jitlob lill-qaddisa fil-maltemp. Fi żmien meta t-teknoloġija daħlet f’kollox, illum iktar nidħlu fl-internet biex naraw kemm se jdum il-maltemp, milli nitolbuha.

It-teknoloġija ħadet post il-qaddisin. Minkejja dan ma naf b’ebda qaddis li mexa maż-żmien u addotta t-teknoloġija. Immaġina xi riklam fuq ir-radju:

“Bħala protezzjoni mill-maltemp itlob lil Santa Barbara billi tibgħat email fuq [email protected] Minħabba konkorrenza kbira, sakemm idum il-maltemp ippermettilna ftit ħin biex inweġbuk.”

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar